Il-ġimgħa d-dieħla l-Membri Parlamentari Ewropej tas-Soċjalisti Demokratiċi se jiltaqgħu f’Malta f’konferenza bit-tema ‘United for a More Social Europe’.
Fil-Konferenza se jitkellem ukoll il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Dr Robert Abela.
F’messaġġ imħejji biex titħabbar din il-konferenza, il-mexxejja tal-grupp tas-Soċjalisti fil-Parlament Ewropew, Iratxe García Pérez qalet li tinsab kuntenta li l-ewwel laqgħa tal-Grupp wara żmien twil, anki minħabba l-pandemija, se jkun f’Malta.
Qalet li l-Grupp tas-Soċjalisti Ewropej qed iħarsu ’l quddiem li jiltaqgħu mal-Prim Ministru Malti.
Hija qalet, “As progressives, we are looking forward to meeting with Prime Minister Robert Abela and his government in Valletta during the last week of September. His persistence to implement progressive reforms in the country has not disappointed the majority of Maltese citizens. This is why there is a big popularity and support for the Labour Party of Malta including our colleagues Alex, Josianne, Cyrus and Alfred.”
García Pérez saħqet li b’din il-konferenza, is-Soċjalisti jridu jsaħħu l-politika progressiva.
Intant il-Kordinatur tad-delegazzjoni tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi għal Malta, Alex Agius Saliba fisser kif kienu xhur ta’ ħidma qawwija għal din il-konferenza.
Qal li huwa ta’ sodisfazzjon li dan il-grupp politiku għażel lil pajjiżna sabiex ikompli jiġġedded ukoll.
Agius Saliba saħaq li dan huwa pass simboliku ħafna li għall-ewwel darba mill-2013, is-Soċjalisti Ewropej qed jagħżlu lil pajjiżna sabiex jiltaqgħu barra minn Brussell.
Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li l-Ewro-Parlamentari u uffiċjali tal-Parlament Ewropew se jżuru numru ta’ proġetti li l-Gvern Malti embarka fuqhom biex tissaħħaħ il-ġustizzja soċjali f’Malta.
Xi ħaġa li nnota Agius Saliba: “Se nkunu nistgħu nuru lil dawn l-Ewroparlamentari wħud mill-aqwa proġetti li mexxejna ’l quddiem bħala Gvern. Mill-infrastruttura illi qegħdin ninvestu u nkomplu ninvestu fiha, fit-toroq tagħna, għal proġett shore to ship, għall-proġetti infrastrutturali fejn jidħol il-housing soċjali u l-iskemi li mexxejna ’l quddiem, għall-proġetti ta’ sostennibilità ambjentali fost oħrajn Wied Fulija, il-proġett tal-Wasteserv.”