- Is-Soċjalisti Ewropej ukoll qed ifaħħru ż-żieda li rnexxielu jikseb Gvern Laburista fil-paga minima
Dan hekk kif il-Partit Soċjalista Ewropew (PES) kellhom biss kliem ta’ tifħir għat-tħabbira li l-Prim Ministru Joseph Muscat irnexxielu jilħaq ftehim mal-imsieħba soċjali dwar iż-żieda fil-paga minima.
Il-PES fakkret li pajjiżna ra l-aħħar żieda fil-paga minima kienet fl-1989, jiġifieri 27 sena ilu filwaqt li rrimarka li din iż-żieda hija riflessjoni tal-progress li rnexxielu jagħmel pajjiżna fl-aħħar erba’ snin u l-istabbilità li qed tesperjenza Malta.
“Is-suċċess ekonomiku f’pajjiżna huwa riżultat ta’ deċiżjonijiet li ħa l-Gvern tal-Prim Ministru Joseph Muscat li waslu għall-introduzzjoni ta’ numru bla preċedent ta’ miżuri soċjali,” qalu l-PES.
Filwaqt li Gvern Laburista qed jaħdem biex jelimina l-prekarjat. Il-President tal-Partit Soċjalista Ewropew, Sergei Stanishev qal li sa mill-bidu nett il-Gvern ta’ Joseph Muscat ħadem biex mhux biss iżid l-impjiegi f’pajjiżna iżda anke l-kwalità tal-impjiegi f’Malta.
“Iż-żieda fil-paga minima mhux biss hija konferma li f’Malta sar titjieb fil-kwalità tal-impjiegi iżda anke turi qabża kbira fil-livell ta’ għajxien tal-ħaddiema u familji li qed jgħixu bi dħul baxx,” kompla jżid Stanishev.
Huwa stqarr li s-soċjalisti Ewropew huma kburin bil-kisbiet li rnexxielu jikseb Gvern Laburista taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Joseph Muscat li qed jibbenefikaw minnhom dawk l-aktar fil-bżonn. Stanishev irrakomanda li aktar pajjiżi jieħdu lil Malta bħala eżempju biex isibu bilanċ bejn il-kisbiet ekonomiċi filwaqt li jindirizzaw kwistjonijiet soċjali.