Wara ż-żewġ serati mużikali, li ttellgħu fi tmiem il-ġimgħa f’Ħal Għaxaq b’kantanti ta’ fama internazzjonali, issa jmiss l-aħħar serata li se tkun qed issir nhar il-Ġimgħa li ġej bi spettaklu ta’ mużika mis-snin disgħin.
Dan il-kunċert se jlaqqa’ lill-udjenza ma’ diversi artisti internazzjonali, fosthom Corona, Ice MC u Marvin & Andrea Prezioso. Iżda dan mhux biss u ma’ dawn jingħaqad ukoll it-talent lokali permezz ta’ Ryan Spiteri u Tenishia.
Tajjeb wieħed isemmi li dan hu kunċert bla ħlas għal kull min jattendi u mhemmx bżonn ta’ biljetti.
Fl-entratura se tkun qed tintalab biss donazzjoni għal Dar Bjorn, li għaliha ġiet iddedikata din l-edizzjoni tal-festival. Dawk li jixtiequ jkunu fiż-żona tal-VIP jistgħu jixtru biljett minn fuq www.showshappening.com.
Dan il-festival qed isir taħt il-patroċinju distint tal-Kunsill Malti għall-Arti, Festivals Malta u l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu.