Illejla għall-ħabta tas-6pm, il-Kandidat Nazzjonalista u Sindku ta’ San Ġiljan, Albert Buttigieg se jkun qed jitressaq quddiem il-Kummissjoni Etika, Dixxiplina u l-Mezzi Soċjali tal-Partit Nazzjonalista.
Dan wara allegazzjonijiet li huwa għamel fuq f’artiklu li kiteb fit-Times of Malta fit-13 ta’ Mejju, fejn qal li xi ħadd kbir fil-Partit Nazzjonalista kien iltaqa’ ma’ kuntrattur ewlieni f’lukanda u ftiehmu li l-partit jagħlaqlu ħalqu għax kien qed jitkellem kontra kontra ċerti proġetti fil-lokalità tiegħu.
Fl-artiklu, Buttigieg ilmenta li l-partit fil-fatt warrbu għal kollox waqt il-kampanja elettorali u qal li ħassu mibjugħ għal tletin biċċa tal-fidda.
Is-sejħa ta’ Buttigieg sabiex jitressaq quddiem il-Kummissjoni tal-Partit Nazzjonalista llejla, tikkonferma dak li qalu s-sorsi ta’ ONE News fid-Dar Ċentrali, il-Ħamis li għadda.
Dakinhar huma sostnew kif Bernard Grech u l-klikka tiegħu pposponew li Buttigieg jitressaq quddiem il-Kummissjoni tal-Partit Nazzjonalista qabel il-konferma tal-Kap fi tmiem il-ġimgħa sabiex jevita li jinqala’ aktar ġlied qabel il-vot.
Fil-fatt hekk sar, hekk kif minkejja l-ultimatum ta’ 24 siegħa li l-Partit ta lil Buttigieg biex jikxef min hu s-sors tiegħu, baqa’ qatt ma tħabbar li se jitressaq, ħlief wara li għaddiet il-konferma tal-Kap.
Konferma fejn fiha aktar minn kwart tal-Kunsilliera Nazzjonalisti, ma vvutawx jew ma riedux li Bernard Grech jibqa’ Kap tal-Partit Nazzjonliasta.