Bil-għan li jogħla l-livell u l-kwalità fis-settur turistiku, se tiġi introdotta is-sistema tas-Skills Pass għall-ħaddiema fis-settur tal-ospitalità f’pajjiżna. Is-sistema hi maħsuba wkoll biex tattira aktar talent lokali.
Ġie spjegat kif ħaddiema lokali u Ewropej, li huma diġà kwalifikati jew tas-sengħa, se jingħataw is-Skills Pass b’mod awtomatiku wara proċess ta’ validazzjoni.
Fl-ewwel fażi ta’ din l-inizjattiva, il-ħaddiema barranin iridu jirreġistraw ladarba jkollhom il-kwalifiċi meħtieġa u għarfien tal-Ingliż qabel jgħaddu għall-proċess ta’ verifikazzjoni.
Intqal li jekk, f’din il-fażi, jinstab li huma m’għandhomx kollox kif suppost jew ma ssottomettewx xi dokumenti, jistgħu jitwaqqfu għal kollox milli jkomplu bl-applikazzjoni tagħhom.
Wara din il-fażi, il-ħaddiema jridu jpoġġu għal intervista ma’ espert tas-settur u ladarba jgħaddu minnha, ikunu jistgħu jaħdmu fis-settur.
Se jkun hemm l-għażla wkoll li l-individwi japplikaw għal liċenzja temporanja, anke għal istanzi ta’ xogħol għas-sajf.
Sadanittant, l-Istitut għall-Istudji Turistiċi, l-ITS, se jkun qed jippubblika rapport b’rabta mal-proċessi għal aktar trasparenza.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, elenka l-bżonn ta’ aktar kwalità fis-settur, anke biex jitnaqqas l-abbuż mill-ħaddiema u minn min iħaddem. Hu qal li l-ħaddiema barranin għandhom jiġu f’pajjiżna biss jekk ikunu ta’ kwalità.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika, Clayton Bartolo, qal kif wara xhur ta’ ħidma u konsultazzjoni, din l-inizjattiva se titwettaq. Hu ddeskriva din l-inizjattiva bħala waħda mill-aktar riformi importanti fis-settur turistiku.