S’issa ġew iċċertifikati elf, mitejn u tlieta u tletin barrani permezz tal-Skills Pass mindu ġiet introdotta sistema ġdida li tobbliga li ħaddiema ngaġġati fl-industrija turistika jkunu mħarrġin kif jixraq, inkluż fil-mod kif jikkomunikaw u jittrattaw lill-klijenti.
Il-liġi l-ġdida tesiġi li dawk li jkunu se jinġiebu minn barra pajjiżna biex jaħdmu f’oqsma relatati għandhom joqogħdu għal test maqsum f’żewġ fażijiet.
Waqt li, fl-ewwel fażi tal-proġett, persuna titgħallem affarijiet bażiċi fl-Ingliż u l-Malti, u joqogħdu għal eżami bażiku tal-Customer Care, fit-tieni fażi, li tinkludi intervista one-to-one, din tiġi assessjata fuq il-ħiliet tagħha fil-qasam li tkun applikat għalih, b’mistoqsijet dwar prattiċi u case studies.
Tagħrif, li ngħata mit-tmexxija tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi, l-ITS, li hu responsabbli mis-Skills Pass, jirriżulta li attwalment hemm erba’ mija u tlieta u ħamsin persuna li applikaw għat-tieni fażi u qed jistennew li jsirilhom l-interview ħalli jiġu kompletament konformi mal-liġi.
L-informazzjoni tindika li l-aktar pajjiż, li minnu applikaw kandidati, kien in-Nepal segwit mill-Indja.
L-ITS qal li, s’issa, jirriżulta li mill-applikanti li m’għaddewx għat-tieni fażi, tnejn fil-mija weħlu fil-parti li tikkonċerna l-Ingliż.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet, l-amministraturi tas-sistema spjegaw kif persuna, li ma tgħaddix mill-eżami fl-ewwel fażi, ikollha ċans li terġa’ tirrepeti l-eżami bla ħlas, iżda wara dan tkun trid tħallas.
Statistika dwar it-tranżizzjoni mill-ewwel għat-tieni fażi turi li l-aktar kandidati li m’għaddewx applikaw għal kokijiet, waqt li, min-naħa l-oħra, il-kandidati kollha li poġġew għall-eżami ta’ receptionist għaddew.
Ingħad li kien hemm ċirkostanzi fejn persuni nstabu li ma mxewx mar-regolamenti u allura ġew sospiżi minnufih, waqt li jinbidlu b’mod frekwenti l-mistoqsijiet biex jiġi evitat li jkun hemm l-abbużi.
Hu stmat li l-ammont ta’ kandidati din is-sena mistenni jiżdied sew u saħansitra jaqbeż l-elf.
F’kummenti lil ONE News, il-Kap Eżekuttiv tal-ITS, Pierre Fenech, spjega kif din l-ħidma qed issir bil-għan li s-servizz finali li jiġi ppreżentat lin-nies jkun ta’ livell għoli.
“Peress li aħna qegħdin nagħmlu proċess ta’ screening, li ħa nkunu ċerti li min qed jidħol fis-settur tagħna għandu s-skills bażiċi, li għandu bżonn dak awtomatikament se jgħolli l-livell tas-servizz.”
Minbarra hekk, hu qal li dawk li qed jaħdmu laqgħu din il-ħidma b’mod tajjeb, filwaqt li qed tħeġġiġhom ikomplu jinvestu fit-tagħlim kontinwu lill-ħaddiema tagħhom.
“Jidher li qegħda tintlaqa’. Aħna qed inkomplu dejjem intejbu fuq is-sistemi, li diġà għandna, u jien kunfidenti li ħafna minn dawk li jħaddmu diġà qed naraw move biex ikomplu jittrenjaw lill-ħaddiema tagħhom, itejbu l-ħiliet tal-ħaddiema tagħhom, għax aħna lanqas bil-bażiku m’aħna kuntenti. Jekk irridu ngħollu l-kwalità tat-turiżmu, kif ovvjament l-pajjiż jixtieq li jagħmel, irridu nkomplu ninvestu fil-ħaddiema tagħna u nittrenjawhom.”