Is-skiet mhuwiex risposta…Irrapporta l-abbuż. Appell lill-mezzi kollha tax-xandir biex iwasslu dan il-messaġġ fil-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza fuq in-Nisa u kuljum.
Fil-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza fuq in-Nisa, il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza jappella lill-mezzi kollha tax-xandir biex jingħaqdu miegħu f’kampanja attiva kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika.
Minkejja l-progress leġislattiv miksub fl-aħħar sena biex illum il-forzi tal-ordni għandhom għodda b’saħħitha biex jipproteġu l-vittmi, xorta waħda tippersisti l-akbar sfida li nbidlu l-kultura u l-mentalità ta’ tolleranza għal vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru.
Din l-isfida ma jistax jegħliba l-gvern waħdu, iżda hija r-responsabbiltà ta’ kull wieħed u waħda minnha li nieqfu għaliha, noffru faraġ lill-vittmi, u nagħmlulhom kuraġġ biex jirrapurtaw kull forma ta’ vjolenza. Dan b’mod speċjali għaliex dan ir-reat kriminali huwa fost l-anqas li huwa rappurtat f’pajjiżna.
F’dan il-kuntest importanti li nwasslu l-messaġġ li l-vjolenza tieħu diversi forom, u l-vjolenza psikoloġika jew il-vjolenza ekonomika fost oħrajn, huma lkoll reati kriminali punibbli b’pieni ħorox.
Għaldaqstant il-messaġġ għandu jkun wieħed ċar – ‘Tibqax f’relazzjoni abbużiva, l-liġi tipproteġik’.
Matul is-16-il jum t’attiviżmu kontra l-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, il-faċċata tal-Berġa t’Aragona, li tospita l-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza, se tkun mdawla b’lewn oranġjo. Dan b’konsistenza mat-tema magħżula min-Nazzjonijiet Uniti għal din il-kampanja internazzjonali ‘Orange the World: #HearMeToo’.
Ma’ din l-istqarrija qed nehmżu l-posters li se jintużaw tul is-16-il jum t’attiviżmu, liema posters inħeġġu li jiġu ppubblikati fuq il-mezzi tax-xandir.