“Bernard Grech falla milli jimponi l-awtorità tiegħu fil-Partit Nazzjonalista.”
Kien b’dan il-mod li l-editorjal tal-gazzetta Times of Malta, il-Ġimgħa filgħodu, iddeskriva s-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Bernard Grech.
“However, he has failed, even in asserting his authority.”
L-editur tat-Times issupplimenta din id-dikjarazzjoni billi rrefera, fost oħrajn, għall-gwerra li għaddejja bħalissa fid-Dar Ċentrali bejn il-Kap u l-Eks Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo.
Huwa fakkar fil-kliem ta’ Arrigo fl-aħħar diskors tiegħu bħala Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, meta qal li twarrab mit-tmexxija tad-Dar Ċentrali. Arrigo qal ukoll li ntqal lilu li tajjeb biss biex jiġbor il-flus.
Irrefera wkoll għall-akkużi tal-eks Viċi Kap, fejn sostna li Bernard Grech gideb dwar ir-rapport intern minn Kummissjoni tal-Partit Nazzjonalista dwar is-Sindku Naxxarija Ann Marie Muscat Fenech Adami.
L-editur tat-Times sostna li dawn id-dikjarazzjonijiet fil-miftuħ qed ikomplu jenfasizzaw il-qasmiet kbar li jiddominaw fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.
“In reality, such public statements made by the likes of Arrigo and others are doing nothing more than emphasising the PN’s fractures.”
Bl-istess mod l-editorjal tal-gazzetta l-Orizzont irrefera għall-episodji riċenti ta’ ġlied u firda fil-Partit Nazzjonalista.
Filwaqt li l-editur fakkar fil-kwistjoni riċenti ta’ Robert Arrigo, huwa rrefera wkoll għal dak li qal l-eks Deputat Nazzjonalita Mario Galea. Fil-fatt, Galea fl-ewwel jum tal-aħħar kampanja elettorali irriżenja mill-Partit Nazzjonalista u ddikjara li għamlulu ħajtu infern.
Aktar tard huwa sostna wkoll li s-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista hija tossika.
“Is-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista sfortunatament fl-aħħar snin kienet tossika u llum inħossni relieved li tlaqt, anke fiżikament u mentalment inħossni ħafna aħjar li tlaqt.”
L-editorjal tal-Orrizzont irrefera wkoll għall-silenzju tad-Deputati tal-Partit Nazzjonalista quddiem mistoqsijiet minn ONE News it-Tnejn, qabel laqgħa tal-grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista.
Skond rapporti, il-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-PN ta ordni biex ħadd ma jlissen kelma quddiem il-mistoqsijiet minn one News.
B’rabta ma’ dan, l-editorjal tal-Orizzont qal li “l-Partit Nazzjonalista qed jarmi l-prinċipju tal-libertà tal-espressjoni… addio wkoll għal-libertà tal-istampa li tant iħambqu fuqha l-mexxejja tal-PN.”
“Partit Nazzjonalista qed jarmi l-prinċipju tal-libertà tal-espressjoni… addio wkoll għal-libertà tal-istampa li tant iħambqu fuqha l-mexxejja tal-PN”
B’hekk l-editur qal li min għandu x’jaħbi biss jipprova jagħmel ħiltu kollha biex jaħrab mill-iskrutinju tal-midja.
“Għaliex min għandu x’jaħbi biss jipprova jagħmel ħiltu kollha biex jaħrab mill-iskrutinju tal-midja.”
L-istess editorjal temm jirrimarka li dan kollu juri li, minkejja t-telfiet kbar u storiċi li ġarrab mill-2013 ’il quddiem, il-Partit Nazzjonalista baqa’ ma tgħallem xejn filwaqt li jidher li ma jridx jitgħallem hekk kif se jibqa’ jinjora r-realtajiet fi ħdanu stess.