F’Malta, il-vaċċin kontra l-Covid-19 salva l-ħajja ta’ tmien mija u sittin persuna li għandhom aktar minn sittin sena.
Dan ħareġ fi studju li għamlet l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, li wera kif madwar l-Ewropa, it-tilqima salvat il-ħajja ta’ kważi nofs miljun persuna.
Il-Kap tat-Taqsima tal-Mard Infettiv fl-Isptar Mater Dei, Dr Charles Mallia Azzopardi, spjega ma’ ONE News li l-vaċċin huwa effettiv ħafna biex inaqqas il-kumplikazzjonijiet tal-virus, u allura jevita li persuna tispiċċa l-isptar jew saħansitra titlef ħajjitha.
Qal, “Peress li Malta konna effettivi ħafna biex inlaqqmu l-maġġoranza kbira tal-popolazzjoni, iżjed minn disgħin fil-mija, dan evita li jkollna dawn il-kumplikazzjonijiet u ovvjament l-imwiet.”
L-istudju wera wkoll li t-tilqim naqqas it-trażmissjoni tal-virus bejn il-persuni.
Spjega, “Il-vaċċin, anki meta jaħdem tajjeb, mhux neċessarjament jevitalek kompletament ir-riskju li tieħu l-infezzjoni. L-importanti, il-messaġġ huwa li anki jekk jien nieħu l-infezzjoni u jien vaċċinat ma jagħmillix deni u kumplikazzjonijiet tal-Covid u allura ma jkollix nidħol l-isptar, biss anki hemm effett ukoll fuq it-trażmissjoni jiġifieri jekk jiena ġejt ivvaċinat u kelli l-Covid xorta waħda, iċ-ċans li jien ngħaddiha lil ħaddieħor huwa inqas.”
Dr Mallia Azzopardi fakkar kif fl-Ewropa, il-każijiet telgħin sew u anki qed jiżdiedu l-persuni li jkollhom bżonn jidħlu l-isptar minħabba l-Covid.
B’differenza f’Malta, anki jekk qed jiżdiedu l-infezzjonijiet fil-komunità, in-numru ta’ persuni li qed jiġu bżonn il-kura fl-isptar għadu stabbli.
Qal, “Dik hija riżultat li l-booster doses tal-vaċċin bdew jingħataw qabel bdew jiżdiedu l-każijiet jiġifieri aħna bdejna bil-booster qabel ma bdew jiżdiedu l-każijiet fil-komunità u allura għandna issa proporzjon tal-popolazzjoni li ġiet boosted, biex ngħidu hekk.”
Fuq Twitter, b’reazzjoni għar-rapport tal-WHO, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li d-doża addizzjonali se tkompli ssalva aktar ħajjiet.
Tal-istess fehma huwa t-tabib Mallia Azzopardi, li kellu dan l-appell.
Spjega kif, “Il-messaġġ għandu jkun ċar ħafna u jien konvint mija fil-mija, li l-vaċċinazzjoni hija importantissima biex tnaqqas il-kumplikazzjonijiet tal-Covid li jġiegħlu lin-nies jidħlu l-isptar u l-booster huwa importantissimu wkoll biex aħna d-defense tagħna kontra l-Covid u l-Covid sever, innaqqsuhom kemm jista’ jkun.”