Il-President Ukren Volodymyr Zelensky għamel laqgħa importanti tard ilbieraħ bil-lejl ġewwa l-kapitali Kyiv.
Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola.
Fuq Twitter il-President tal-Parlament Ewropew qalet li ż-żjara hija ntiża biex twassal messaġġ ta’ tama u appoġġ lill-poplu Ukren.
Zelensky qal li jidher li t-truppi Russi qed jirtiraw mit-Tramuntana tal-pajjiż.
Huwa żied li s-sitwazzjoni fil-Lvant tal-Ukrajna għadha diffiċli filwaqt li jemmen li r-Russja qed tipprepara għal attakki ġodda fir-reġjun ta’ Donbas u f’Kharkiv.