Is-sit elettroniku tal-Bank Ċentrali ta’ Malta ngħata punteġġ għoli għall-aċċessibilità mill-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni, l-MCA.
Dan wara li l-MCA wettqet reviżjoni tas-sit elettroniku tal-Bank f’Ottubru 2020, u sabet li parti kbira tas-sit kien diġà konformi.
Fi stqarrija l-Bank Ċentrali qal li kien impenjat bis-sħiħ li jtejjeb il-punteġġ tiegħu, u taħt il-gwida tar-regolatur nieda diversi proġetti biex itejjeb l-aċċessibilità fis-sit elettroniku kollu.
Intqal ukoll li l-biċċa l-kbira tal-bidliet meħtieġa kellhom l-għan li jagħmlu s-sit aktar faċli għal dawk bi sfidi fil-viżta.
Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Edward Scicluna qal li l-mandat tal-Bank jaffettwa kull taqsima tas-soċjetà u għalhekk dan il-proġett kien meqjus bħala prijorità minħabba li l-Bank jemmen li huwa importanti li l-informazzjoni dwar l-operat tiegħu tkun aċċessibbli għall-akbar numru ta’ nies possibbli.