Heritage Malta fetħet mill-ġdid is-sit preistoriku ta’ Għar Dalam wara li kien ilu magħluq minn Marzu li għadda biex isiru xogħlijiet estensivi li se jiżguraw esperjenza memorabbli u ħolistika għall-viżitaturi.
Dan sar b’investiment ta’ mitejn u ħamsin elf ewro u huma parti minn proġett ferm ikbar li ladarba jitwettaq se jara lis-sit ta’ Għar Dalam isir parti minn park li jkun jinkludi erba’ widien u jwassal sa tarf Ħal Safi.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Noel Zammit spjega x-xogħlijiet li saru fosthom rinovar taż-żewġ swali ewlenin tal-mużew ta’ Għar Dalam, b’oġġetti esebiti għall-ewwel darba, bidla fis-sistema tad-dawl ġewwa l-għar kif ukoll servizz ta’ audio guide.
Huwa qal: “Il-viżitaturi jista’ jgawdi minn esperjenza ftit ġdida għandna investiment fl-interpretazzjoni li ħa jifhem aktar min iżurna x’inhu dan l-għar, x’inhu s-sinifikat tiegħu u wkoll x’għandna ġewwa l-għar.”
Is-sit issa jinkludi wkoll ġnien edukattiv bl-isem Ġnien Dinja Waħda, fejn l-għalliema jistgħu jmorru mal-istudenti tagħhom għal lezzjonijiet interattivi f’kuntatt man-natura.
Waqt żjara fuq il-post, id-Direttur Eżekuttiv ta’ Heritage Malta s-Sur Mario Cutajar faħħar ix-xogħol li sar f’qasir żmien filwaqt li l-Ministru għall-Kultura u Wirt Nazzjonali José Herrera stqarr li f’kull proġett u inizjattiva, Heritage Malta dejjem turi ħilitha.
Il-Ministru Herrera sostna: “Qegħdin ninvestu fil-mużewijiet tagħna u nagħmluhom aktar interattivi mal-viżitaturi u allura aktar jattiraw nies għax l-esperjenza hija waħda aktar ħajja. Il-Gvern tant jemmen f’dan il-proġett illi din is-sena fil-budget ivvota €3 miljun speċifikament biex ntejjbu l-mużewijiet tagħna.”