Is-sit elettroniku Servizz.gov.mt, li joffri servizzi governattivi, ġie aċċessat aktar minn tliet mitt elf darba fl-ewwel kwart ta’ din is-sena.
Fi statistika maħruġa minn Servizz.gov kien innotat kif il-Freephone 153 irċieva ftit aktar minn mitejn elf telefonata b’ l-akbar numru ta’ mistoqsijiet ikunu dawk relatati mat-Taxxi.
Barra minn hekk, iċ-ċentru li jipprovdi servizzi relatati mat-taxxa ġie aċċessat aktar minn għaxart’elef u ħames mitt darba fl-istess perjodu.
L-apps diġitali pprovduti mis-servizz pubbliku tniżżlu aktar minn ħdax-il elf u ħames mitt darba filwaqt li l-app COVID Alert Malta kienet l-aktar waħda popolari bejn Jannar u Marzu ta’ din is-sena.
L-indirizz elettroniku servizz@gov.mt irċieva ftit inqas minn erbatax-il elf ittra biex b’hekk f’Marzu l-aġenzija irċeviet l-akbar ammont ta’ emails.
Fi Frar li għadda l-Aġenzija għas-Servizz Pubbliku rrilokat iċ-ċentru tekniku li jipprovdi servizzi relatati mal-familja fil-Belt Valletta.
Matul l-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, iż-żjarat fit-tnejn u għoxrin ċentru tal-aġenzija laħqu ftit inqas minn tmienja u sittin elf żjara.
L-aktar ċentri li kellhom żjarat fihom kienu dawk reġjonali li jinsabu fiż-Żejtun, il-Mosta u l-Ħamrun.