Il-Gvern se jkun qed jimpenja ruħu li s-sit tal-inċident traġiku fiż-Żona Industrijali ta’ Kordin, li fih tilef ħajtu Jean Paul Sofia f’Diċembru 2022, jibdlu fi ġnien pubbliku.
Ħabbar dan il-Ministru Silvio Schembri hekk kif kompla d-dibattitu Parlamentari li qed isir biex jiddiskuti r-rapport tal-Inkjesta Sofia.
“Se nkun qed nieħu r-responsabbiltà u nagħti l-impenn tiegħi biex kif diġà kont ikkomunikajt dakinhar stess ma’ omm Jean Paul biex, appena jiġu konklużi l-proċeduri legali, is-sit traġiku fejn ġara l-inċident jiġu lura fil-pussess tal-INDIS u jibdew minnufih ix-xogħlijiet ħalli jiġi konvertit fi ġnien pubbliku ad unur ta’ Jean Paul Sofia.”
Sadanittant, b’rabta ma’ dak li qal l-istess rapport dwar il-proċessi tal-approvazzjoni mill-Kumitat tal-Investiment fi ħdan il-Malta Enterprise, il-Ministru Schembri sostna li l-membri tal-bord tal-kumitat u anke mill-bord tad-diretturi tal-Malta Enterprise tefgħu r-riżenja tagħhom. Dawn flimkien mal-Kap tal-Micro Enterprise Unit li wkoll l-impjieg tiegħu ġie tterminat.
Spjega wkoll kif ngħatat direzzjoni biex sakemm jitlesta eżerċizzju ta’ awditjar fuq il-proċessi tal-Malta Enterprise, ix-xogħol quddiem il-Kumitat tal-Investiment fi ħdan l-entità u l-proċessi tiegħu jibdew jitilgħu fuq livell tal-bord tad-diretturi.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri ħabbar kif il-Ġimgħa se jkun qed jiltaqa’ għall-ewwel darba s-sotto-kumitat imħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela biex jara t-twettiq tar-rakkomandazzjonijiet fir-rapport tal-inkjesta pubblika dwar l-inċident li fih tilef ħajtu Jean Paul Sofia.
Is-sotto-kumitat tal-Kabinett inkwistjoni se jkun qed jiġi kkordinat mill-Kap tas-Segretarjat tal-Kabinett fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Glenn Micallef.
“Anke nħatar sotto-kumitat tal-Kabinett. Anke, bħalma ħdimna f’issues oħrajn, fejn proprju se jiltaqa’ għada fl-ewwel laqgħa tiegħu fejn se jkun hemm ix-xogħol marbut ma’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet li jeħtieġ isiru.”
Camilleri stqarr ukoll li l-investimenti riċenti mill-Gvern favur is-salvataġġ ta’ persuni kemm fuq l-art kif ukoll fuq il-baħar, u anke t-taħriġ tal-uffiċjali barra minn xtutna, saħansitra f’sitwazzjonijiet reali jkomplu jħejju lil pajjiżna għal sitwazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu.
Dan b’differenza għall-investiment li kien isir f’pajjiżna fl-2012 li llum hu saħansitra mitt darba aktar.
Tul id-dibattitu tkellmet ukoll il-Ministru Miriam Dalli li sosniet l-importanza tal-inforzar fis-settur tal-kostruzzjoni favur aktar sigurtà b’saħħitha u kwalità ta’ ħajja aħjar.
Irrimarkat l-importanza wkoll tal-implimentar ta’ dawk is-soluzzjonijiet li joffru l-aktar protezzjoni lill-ħaddiema ta’ pajjiżna.
“Ilbieraħ rajna Kap tal-Oppożizzjoni li qal ħafna, iżda, fl-istess ħin, ma qal xejn, għax kien diskors li fih, fir-realtà, ma qal xejn fuq il-bidliet meħtieġa f’dan is-settur u kif hu, li kieku qed imexxi, kif jagħmilhom.”
Intant min naħa tiegħu d-Deputat Randolph De Battista rrimarka r-rieda tal-Gvern li jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet imsemmija fir-rapport tal-inkjesta.
Rieda kredibbli anke grazzi għal numru ta’ riformi kbar li implimenta l-Kabinett ta’ Robert Abela.
“Jekk hawn Kabinett li għandu track record ta’ twettieq ta’ riformi fl-iqsar żmien u riformi li ħadd ma kellu l-guts li jmiss magħhom kien il-Kabinett ta’ Robert Abela. Ir-riforma tal-Qbiela, kirjiet antiki, ir-riformi Kostituzzjonali, riformi fil-qasam tal-ġustizzja, għalhekk iva lbieraħ in-nies imtlew bit-tama.”