Fost is-servizzi li toffri l-aġenzija Servizz.gov, fit-tieni kwart ta’ din is-sena, l-aktar servizz użat kien dak tas-sit elettroniku bl-istess isem.
Fil-fatt, is-sit ġie aċċessat kważi tliet mija u tmienja u għoxrin elf darba.
Fl-istess perjodu, bejn ix-xhur ta’ April u Ġunju, il-Freephone 153 wieġeb kważi mitejn elf telefonata. L-akbar numru ta’ mistoqsijiet kienu dwar id-dikjarazzjonijiet tat-taxxa u fuq iċ-ċekkijiet tar-rifużjoni tat-taxxa.
Matul it-tieni kwart ta’ din is-sena, ġew irreġistrati ftit inqas minn tmenin elf żjara fit-tnejn u għoxrin ċentru reġjonali u fit-tliet ċentri tekniċi ta’ servizz.gov.
L-aktar tliet ċentri reġjonali li laqgħu nies kienu dawk tal-Qawra, tal-Mosta, u taż-Żejtun.
Dan filwaqt li f’dan il-perjodu ntbagħtu aktar minn sbatax-il elf imejl lil servizz@gov.mt. Ġunju kien l-aktar xahar li fih l-aġenzija rċiviet ittri elettroniċi.