Is-sit awtorevoli Politico nnota l-pożizzjoni b’saħħitha li ħadet Malta fuq livell Ewropew waqt il-pandemija biex bħala għaqda waħda ta’ sebgħa u għoxrin stat membru nxtara l-vaċċin u kull stat kellu l-istess opportunità biex ilaqqam il-poplu tiegħu kontra l-Covid-19.
Politico tkellem mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u ġie rrappurtat kif Fearne huwa wieħed mill-Ministri tas-Saħħa li żamm postu fis-sena li faqqgħet il-pandemija, meta terz tal-Ministri tas-Saħħa tal-pajjiżi Ewropej ħallew il-kariga tagħhom.
Is-sit awtorevoli saħaq kif il-Ministru Malti kien l-ewwel wieħed fl-Unjoni Ewropea li f’Marzu talab lill-Kummissjoni Ewropea biex tixtri l-vaċċin għall-Covid-19, la darba dan ikun fis-suq.
“L-istati membri kollha għandhom il-vaċċin meta żewġ terzi tal-pajjiżi fid-dinja għad m’għandhomx il-vaċċin. Kien hemm trasparenza sħiħa, innegozjajna mal-kumpaniji farmaċewtiċi u ġibna prezzijiet tajbin għall-vaċċin. Dan l-iżvilupp għandu jibqa’ mniżżel fl-istorja tal-Unjoni Ewropea għaliex kull ċittadini Ewropew għandu aċċess għall-vaċċin b’mod ugwali”, saħaq Chris Fearne mal-Politico.
Malta dejjem tenniet li l-Kummissjoni Ewropea għandha tmexxi ’l quddiem ftehim ta’ xiri konġunt tal-vaċċin u mhux l-istati membri kbar jaħtfu waħedhom il-vaċċin u l-istati membri żgħar jibqgħu l-art.
“Warrabna n-nazzjonaliżmu sfrenat u kull stat membru ħadem flimkien biex fissirna iżjed xi tfisser l-Unjoni Ewropea”, saħaq id-Deputat Prim Ministru Malti.
Chris Fearne żied jgħid dwar argument b’saħħtu ieħor li qed terġa’ tagħmel Malta, dak li l-Unjoni Ewropea taħseb għall-possibilità tat-tielet doża, li tkun ta’ stimulu għall-immunità ta’ saħħet il-bniedem fuq varjanti tal-Coronavirus.
“Jeħtieġ nagħmlu arranġamenti oħra ħalli l-Ewropa ma tinqabadx fuq sieq waħda”, saħaq Fearne li wera kemm Malta qed terġa’ tkun pijuniera biex inkomplu nilqgħu għall-imxija li offriet numru ta’ sfidi għad-dinja kollha.