Il-Kap tad-delegazzjoni Maltija Laburista tal-Parlament Ewropew Alfred Sant qal lil Parlament Ewropew li l-istati membri tal-UE għandhom jibqgħu responsabbli għas-sistemi tat-taxxi tagħhom meta esprima t-tħassib tiegħu li l-UE qed tkabbar il-kontroll tagħha fl-operat fis-sistemi tat-taxxa nazzjonali madwar l-UE. Dr Sant qal dan waqt li vvota favur riżoluzzjoni dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għal skopijiet ta’ ħasil ta’ flus jew terroriżmu.
Dr Sant wera l-qbil tiegħu dwar sistemi trasparenti li qed jiġu proposti u qal li l-fondi tal-UE għandhom jitħaddmu b’tali mod li tkun iebsa biex dawn jintużaw f’ħasil ta’ flus u finanzjament tat-terroriżmu. Huwa essenzjali li kull azzjoni li tieħu l-UE tirrifletti dan, qal l-MEP Malti.“B’mod speċjali naqbel li tiżdied l-informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji u li jkun hemm konċentrazzjoni ta’ informazzjoni f’reġistru pubbliku ċentrali ta’ sidien benefiċjarji. Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-istati membri hija kruċjali f’din ir-reviżjoni, irrispettivament mill-qagħda jew in-natura tagħhom. Jeħtieġ li l-iskambju tal-informazzjoni u t-titjib fil-kooperazzjoni jkunu inforzati fuq livell nazzjonali. F’din l-aħħar sena kien hemm tendenza li l-UE tilleġiżla dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u l-estensjoni tal-ambitu tal-applikazzjoni, li kienu meħtieġa. ”
Dr Sant qal li xorta huwa mħasseb li din ir-reviżjoni se jkollha impatt sproporzjonat fuq il-flessibilita` tas-sistema ta’ tassazzjoni tal-istati membri għax se taffettwa b’mod partikolari lil konsulenti tat-taxxa u lid-distributuri tal-flus elettroniċi.
Ir-riżoluzzjoni Parlamentari tindirizza ħames oqsma (1) tiżgura livell għoli ta’ salvagwardji finanzjarji minn pajjiżi terzi b’riskju għoli; (2) iżżid il-poteri tas-settur tal-ispjunaġġ finanzjarju tal-UE u tiffaċilita l-kooperazzjoni ta’ bejniethom; (3) tiżgura ċentralizzazzjoni ta’ reġistri bankarji nazzjonali u reġistri ta’ kontijiet ta’ pagament jew sistemi ċentrali ta’ rkupru ta’ informazzjoni mill-istati membri kollha (4) tindirizza r-riskji ta’ finanzjament tat-terroriżmu marbuta ma’ muniti virtwali u (5) tindirizza r-riskji marbuta ma’ strumenti bħal ‘pre-paid cards’.
Ir-Riżoluzzjoni ġiet approvata b’574 vot favur, 13 vot kontra u 60 astensjoni.