Wara li l-Qorti laqgħet digriet mill-operaturi tad-dgħajjes biex titwaqqaf is-sistema, li biha persuni jridu jirreġistraw b’xejn biex iżuru l-Blue Lagoon f’Kemmuna u b’hekk ikun hemm kontroll u protezzjoni xierqa, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-MTA, ħabbret li ssospendiet temporanjament il-miżura li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju.
Is-sistema ġdida online, adottata bejn il-Ministeru għat-Turiżmu u entitajiet oħrajn, hi parti minn pjan strateġiku biex titjieb is-sostenibbiltà u l-esperjenza tal-viżitaturi fil-post meraviljuż. Għaldaqstant inħolqu tliet gruppi ta’ ħinijiet kuljum fejn ma jistax ikun hemm iżjed minn 4,000 viżitatur f’kull ħin.
L-MTA tenniet li s-sistema rriżultat suċċess fl-ewwel jum tagħha, festa pubblika, tant li iżjed minn 4,800 persuna rreġistraw u ma kien hemm l-ebda impatt fuq l-operaturi tad-dgħajjes.