ll-Malta Insurance Association, fi stqarrija nnotat b’soddisfazzjon il-bidla għal atteġġjament pożittiv u sewqan kawtel li s-sistema tal-punti ġabet magħha tul dawn l-aħħar xagħrejn li ilha fis-seħħ. L-Assoċjazzjoni sostniet li bħal f’kull bidla, hemm lok fejn is-sistema tista’ tkompli titjieb fejn bħala eżempju, tisħaq dwar importanza li l-punti jmorru fuq is-sewwieq u mhux fuq sid il-vettura li seta’ ma kienx qed isuq dik il-vettura.
L-MIA għalhekk taqbel mal-GRTU fit-tħassib tagħha li sidien ta’ negozji m’għandhomx jsofru minn punti miżjuda fuq il-liċenzja tas-sewqan tagħhom jekk ma kienux huma s-sewwieqa. L-Assoċjazzjoni pero saħqet li wieħed għandu jieqaf u jagħrbel tassew għaliex dan qed iseħħ, u jekk hux il-każ fejn s-sistema kif jiġu allokati l-punti tistax titjieb, jew inkella jekk hux il-każ fejn sid il-vettura m’għandux kontroll jew m’għandux il-mezzi biex ikun jaf min kien is-sewwieq. Is-sistema tal-punti, li hija amministrata fuq naħa waħda mill-LESA kif ukoll minn Transport Malta għandha il-faċilita’ sabiex sid il-vettura jkun jista’ jirrapporta, fuq is-sit tal-LESA, min kien is-sewwieq tal-vettura f’dak il-ħin li l-kontravenzjoni seħħet. B’hekk, is-sewwieq tal-vettura jista’ jiġi ddikjarat faċilment.
L-istqarrija tgħid kif dan jista’ jseħħ biss jekk sid il-vettura jew tan-negozju għandux fis-seħħ dawk il-kontrolli neċessarji sabiex jkun jista’ jagħraf min kien is-sewwieq tal-vettura rreġistrata f’ismu jew f’isem in-negozju tiegħu. Mingħajr dan it-tagħrif, ma jistax ikun hemm prova.
L-Assoċjazzjoni saħqet li s-sistema tal-punti kif wkoll miżuri oħra li ttieħdu dan l-aħħar bħalma huma it-tnaqqis fil-livelli permissibli ta’ xorb alkoħoliku (waqt is-sewqan) jkomplu fit-triq it-tajba sabiex jassiguraw li ssaltan ir-responsabbilita fis-sewqan li kull sewwieq irid jeżerċita. Tkompli li jekk nibdew innaqqru minn din ir-responsabbilita jispiċċa fix-xejn l-effett ta’ inizzattivi bħal dawn. Fuq kollox, kull sid ta’ negozju għandu jkollu wkoll responsabbilta lejn l-impjegati tiegħu waqt li qegħdin fuq il-lant tax-xogħol, apparti milli jipproteġu dak li hu proprjeta tagħhom.
Bhal kif jigri f’pajjiżi ohra, l-MIA tenniet li s-sistema tal-punti tista’ tkun verament effettiva jekk kemm il-darba kumpaniji tal-assigurazzjoni jkunu f’qagħda li jużawha b’mod xieraq. Dawk li jsuqu b’mod responsabbli m’għandhomx jħallsu l-istess premjums bħal dawk is-sewwieqa li jabbużaw u jaqilgħu il-punti għaliex ma jobdux jew ma jagħtux każ tar-regoli tas-sewqan. L-Assoċjazzjoni temmet għid li huwa fl-interess ta’ kulħadd li jkollna aktar sigurta fit-toroq tagħna.