L-assessjar kontinwu, li hu parti importanti mill-qafas nazzjonali tal-kurrikulu, qed jiġi implimentat mil-livell Primarju sas-Sekondarja biex, għall-ewwel darba, din is-sena se jkun inkorporat fir-riżultati tal-O’Levels.
F’dan il-jiem, l-istudenti li jinsabu fil-fażi tal-O’Levels għadhom kemm irċevew ir-riżultati tal-assessjar tagħhom, li se jservihom bħala parti minn 30% tar-riżultat finali tas-SEC.
L-iskop tal-assessjar kontinwu hu li jipprovdi valutazzjoni ħolistika u kontinwa tal-proċess tat-tagħlim tal-istudenti u mhux biss fuq l-eżami nnifsu, imma wkoll fuq il-proċess tat-tagħlim fit-tliet snin ta’ qabel.
Fil-livell Primarju, il-continuous assessment hu integrat fl-attivitajiet ta’ tagħlim ta’ kuljum. B’hekk, l-għalliema jivvalutaw lill-istudenti permezz ta’ parteċipazzjoni fil-klassi, proġetti, preżentazzjonijiet u osservazzjonijiet.
Għalhekk, b’mod awtomatiku, din l-istrateġija tgħin biex jiġu identifikati fejn l-istudenti jeħtieġu aktar appoġġ.
Fil-livell Sekondarju, il-continuous assessment isir aktar strutturat, speċjalment fis-snin finali, jiġifieri bejn id-Disa’ u l-Ħdax-il Sena. Dan jifforma dak li jissejjaħ School-Based Assessment u jikkontribwixxi għal 30% fil-valutazzjoni finali tal-istudenti.
Dan l-assessjar jinkludi xogħol prattiku, komponenti orali u dawk miktubin, fost l-oħrajn.
L-integrazzjoni tal-assessjar fis-sistema tas-SEC jew is-Secondary Education Certificate tappoġġja valutazzjoni aktar ġusta, tnaqqas id-dipendenza fuq eżami wieħed u tenfasizza ħiliet bħal ħsieb kritiku, il-kreatività u l-problem-solving.
Mitlub jikkummenta, il-Ministru responsabbli, Clifton Grima, tenna li l-proċess hu aktar ġust mal-istudenti u l-ħiliet tagħhom.
“B’dan il-metodu ġdid, ta’ assessjar qegħdin nassiguraw li matul is-sena kollha, wieħed ikollu idea tajba fejn ikun b’saħħtu l-istudent fuq livell akkademiku, imma anke fejn għandu possibbiltà li jtejjeb diversi aspetti tal-perkors akkademiku tiegħu. Dan it-tip ta’ assessjar se jassigura li, l-ewwel nett, l-istudent ma jiġix iġġudikat fuq dik is-siegħa biss ta’ eżami, imma jiġi ġġudikat fuq numru ta’ ħiliet oħrajn b’diversi aspetti li jistgħu jkunu bil-kitba jew anke orali, u anke mill-aspett ta’ riċerka minn matul is-sena kollha.”
Il-Ministru Clifton Grima