Dalgħodu l-Prim Ministru Joseph Muscat indirizza konferenza tal-istitut Malti tal-Accountants. Huwa tkellem dwar ir-rivoluzzjoni finanzjarja li qed isseħħ fid-dinja kif ukoll dwar is-sistema tat-tassazzjoni u l-ħtieġa li jinħoloq bilanċ f’dan ir-rigward.
Fisser kif l-innovazzjoni tfisser bidla li qegħdin narawha f’kull qasam fid-dinja finanzjarja u tan-negozju u li s-sistema ta’ tassazzjoni mgħandhiex tfixkel investituri żgħar jew ġodda milli jikbru.
Stqarr li teknoloġiji ġodda qegħdin jibdlu l-mod ta’ kif inħarsu lejn l-informazzjoni u kif din tiġi pproċessata.
Fisser kif id-DLT hija sistema li tuża teknoloġija bbażata fuq cryptography.Qal li hija ironika kif il-professjoni tal-accountants mhux qed tmexxi jew tigwida oqsma oħra f’termini ta’ din ir-revoluzzjoni.
Qal li t-teknoloġija DLT tista’ tirrappreżenta l-pass li jmiss f’din il-professjoni.
Dan hekk kif minflok iżomm rekords separati bbażati fuq rċevuti ta’ transazzjoni, il-kumpaniji tal-accounts jistgħu jiktbu t-transazzjoni direttament f’reġistru konġunt.
Pass li jkun ifisser li prattikament tkun impossibli li tiffalsifika jew teqred xi attività ta’ din ix-xorta.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-intelliġenza artifiċjali (AI) u qal li l-beneffċċji tagħha meta applikati f’din l-industrija jistgħu ivarjaw minn tnaqqis fl-ispejjeż għall-eleminazzjoni ta’ proċessi twal u użu aħjar tar-riżorsi, anke dawk umani.
Fuq kollox temm jgħid li bħala pajjiż jinsab kburi li qed insibu l-kuraġġ li naġixxu u nbiddlu opportunitajiet potenzjali f’benefiċċji.