Matul l-2023, Servizz.gov irċieva aktar minn 2.2 miljun talba għal servizz jew informazzjoni relatati ma’ servizzi pubbliċi. Dan tħabbar mill-Kap tas-Servizz Pubbliku, Tony Sultana, waqt it-tnedija tar-rapport annwali tal-aġenzija, fejn ukoll ġiet żvelata dehra ġdida għal din is-sistema ċentralizzata governattiva wara eżerċizzju ta’ rebranding.
Mir-rapport annwali jirriżulta li, għal darb’oħra, il-mezzi diġitali jibqgħu l-aktar popolari biex wieħed jieħu servizz jew jitlob informazzjoni, bi kważi disa’ mitt elf viżitatur fuq is-sit elettroniku, servizz.gov.mt.
Magħhom jiżdiedu aktar minn sitta u tmenin elf imejl u kważi wieħed u sittin elf utent li użaw iċ-chatbot, li wkoll tnieda uffiċjalment is-sena li għaddiet.
Il-Freephone 153 baqa’ fost l-aktar linji użati f’pajjiżna, b’aktar minn tmien mija u sittin elf telefonata fit-tnax il-xahar tal-2023.
Fl-istess perjodu, kważi tliet mitt elf persuna ppreferew is-servizz wiċċ imb’wiċċ billi żaru xi wieħed mill-erbgħa u għoxrin ċentru reġjonali li jeżistu fil-pajjiż ta’ servizz.gov.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li dawn iċ-ċifri huma xhieda li l-Aġenzija għas-Servizzi Governattivi mhux biss qed tkun effiċjenti, iżda wkoll qed tkompli tikber. Żied jgħid li r-riżultati miksuba huma awgurju għal futur dejjem isbaħ.
“Is-servizz.gov kull ma jmur qiegħed jikber. Is-servizz dejjem jissaħħaħ, allura kien xieraq li nimmodernizaw id-dehra tiegħu.”
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana
Il-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija, Massimo Vella, spjega li servizz.gov għaddej minn proċess ta’ speċjalizzazzjoni u modernizzar, li diġà qed iħalli r-riżultati mixtieqa biex il-klijent jinqeda dejjem aħjar.
Semma li anke l-2024 se tkun sena bi proġetti ambizzjużi, fosthom b’aktar modernizzar ta’ ċentri u aktar investiment f’għodod diġitali, inkluż bl-assistenza tal-Intelliġenza Artifiċjali.