Michelle Muscat reġgħet ġiet rikonoxxuta għall-ħidma u l-kontribuzzjoni siewja li tat lil għaqda mhux governattiva li topera fil-qasam tas-saħħa.
Fl-2017 il-mara tal-Prim Ministru ġiet nominata bħala l-voluntiera tas-sena u l-ġurija tal-Bupa Awards qalu li “kellha rwol importanti ferm bis-sapport tagħha lejn organizzazzjonijiet li jaħdmu qrib pazjenti morda bil-kanċer, organizzazzjonijiet li jaħdmu ma’ dawk bi problemi mentali, ġenituri tat-tfal bl-Awtiżmu u l-Olimpjadi Speċjali ta’ Malta. Hija wkoll tgħin lill-Alleanza Nazzjonali tal-Mard Rari, f’Malta.
Is-Sinjura Muscat kienet waħda minn tlieta li ngħataw il-premju fl-ewwel edizzjoni tal-premijiet. Iż-żewġ rebbieħa l-oħra kienu konsulenti mediċi, il-Professur Alexander Felice li rċieva l-premju għall-kontribuzzjoni imprezzabbli fil-mard rari u l-Professur Stephen Montefort li rċieva l-premju għar-riċerka estensiva fil-kundizzjoni tal-ażma.
Il-Professur Felice huwa espert fit-talassemija li hi diżordni fil-ġenetika. Hu kien il-pijunier fl-għoti tas-servizzi marbuta ma’ din il-kundizzjoni u fl-izvilupp ta’ programm ta’ riċerka dwar il-bioteknoloġija.
Il-Professur Montefort huwa konsulent fis-sistema respiratorja f’Mater Dei u ilu d-Dekan tad-Dipartiment tal-Mediċina u Deputat Dekan tal-Iskola Medika sa mill-2012.
Il-Bupa Malta Awards jiċċelebraw ix-xogħol ta’ dawk il-persuni li kkontribwew b’riċerka biex ikun hemm avvanz fis-saħħa.