Kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Eliot Paul Busuttil, fejn intqal kif is-sinjal tal-mowbajl u filmati minn cameras tas-sigurtà kienu utli sabiex jiġi identifikat is-suspettat qattiel f’dan il-każ.
Eliott Paul Busuttil ta’ 38 sena jinsab akkużat bil-qtil ta’ Mario Farrugia, wara li l-katavru tar-raġel ta’ 62 sena instab fil-bagoll tal-karozza tiegħu stess f’wied Ħal Qormi fil-5 ta’ April.
Preżenti fix-xhieda kien hemm espert tal-IT. Huwa ġie maħtur mill-Maġistrat biex jeżamina filmati tas-CCTV u jistabbilixxi l-pożizzjoni diversi mowbajls permezz ta’ trijangulazzjoni.
Fl-investigazzjoni ġew eżaminati diversi cameras minn lokalitajiet differenti, fosthom; Ħ’Attard, Santa Venera, il-Marsa, Ħal Qormi u xi rħula oħrajn.
Fl-investigazzjoni, madwar 21 tagħmir elettroniku u 18 –il SIM cards ġew eżaminati. Erbgħa Pulizija mis-sezzjoni forensika marru fuq il-post fejn instab il-katavru ta’ Mario Farrugia, fejn fuq il-post innutaw li kien hemm id-demm fil-madwar.
Fis-7 ta’ April, l-uffiċjali kienu attendew u ddokumentaw l-awtopsja li saret fuq il-katavru. Minħabba id-DNA ntbagħtu l-ħwejjeġ tal-katavru u borża li kellha diversi skieken.
Il-każ se jkompli jinstema’ fl-20 ta’ Settembru, bil-Prosekuzzjoni tispjega li għad fadal ħafna persuni x’jixhdu.