Is-Sindku Nazzjonalista ta’ Għajnsielem, Kevin Cauchi, tenna li l-qbil fl-aħħar jiem tal-Kunsill immexxi minnu għall-iżvilupp fil-Forti Chambray, li ġie dibattut ħafna fl-aħħar ġimgħat, kien l-aħjar għażla.
F’artiklu ppubblikat fis-Sunday Times, Cauchi spjega li d-deċiżjoni waslet wara bosta laqgħat mal-iżviluppatur privat – Fort Chambray Limited – li ressaq żewġ applikazzjonijiet quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar u li ġew approvati b’sebgħa voti kontra tnejn nhar il-Ħamis li għadda.
L-applikazzjonijiet huma dwar il-masterplan tas-sit storiku, li jinkludi l-ħolqien ta’ lukanda ta’ ħames stilel, u anke t-trasferiment għal sit ieħor ta’ barracks ta’ żmien l-Ingliżi. Il-permess oriġinali tal-iżvilupp tal-forti kien ingħata fl-2012.
Cauchi ċċara li l-barracks mhux se jkun qed jinqered, imma se jinħatt u jerġa’ jinbena kif inhu f’post differenti.