Is-Sindku Nazzjonalista tan-Naxxar, Anne Marie Muscat Fenech Adami, tinsab iddispjaċuta ħafna għall-fatt li l-Kummissjoni Etika u Dixxiplina tal-Partit Nazzjonalista għadu sieket dwar il-pożizzjoni tal-partit fuq l-istess sindku wara li kienu xlewha b’kunflitt ta’ interess u saħansitra ntalbet tirriżenja mill-kariga tagħha.
Anne Marie Muscat Fenech Adami kienet issejħet biex tidher quddiem il-Kummissjoni wara li ġiet akkużata b’kunflitt ta’ interess fuq proġett fin-Naxxar, u anki ntalbet tirriżenja mill-Kap tal-Partit, Bernard Grech.
Ix-xahar li għadda l-gazzetta Maltatoday irrappurtat li l-Kummissjoni ma kienet sabet ebda ħtija fil-konfront ta’ Muscat Fenech Adami, iżda żammet din id-deċiżjoni siekta sabiex ma timbarazzax lil Bernard Grech.
Ġurnalist: “Jiddispjaċik li daħħluk f’din is-sitwazzjoni u qatt ma reġgħu tkellmu dwarha?
Anne Marie Muscat Fenech Adami: “Iva, ħafna.”
F’Diċembru li għadda, ftit wara li bdiet din l-allegazzjoni, Muscat Fenech Adami akkużat lill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech b’logħob politiku u mhux ibbażat fuq il-fatti, u saħansitra sfidat lill-kap tal-Partit tagħha u baqgħet Sindku tan-Naxxar.
Quddiem din is-sitwazzoni, waqt intervista fuq ix-xandir nazzjonali f’Ġunju li għadda, Grech inqabad f’pożizzjoni skomda u, biex joħroġ minnha, spiċċa jgħid li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet ittieħdet iżda ma waslitx għandu.
Ma’ dan l-istazzjon, seba’ xhur wara li ġiet akkużata li kisret l-etika politika, is-Sindku tan-Naxxar stqarret li għadha ma ġiet ikkomunikata lilha l-ebda deċiżjoni mill-Partit Nazzjonalista dwar il-każ.
Qalet, “Jien qiegħda f’pożizzjoni li għadni le, ma nafx”
Dan huwa eisodju ieħor li jkompli jesponi l-firdiet interni fil-Partit Nazzjonalista. Inqas minn ġimgħa ilu, numru ta’ deputati Nazzjonalisti marru kontra dak ordnat mill-kap Bernard Grech rigward l-emendi fil-liġi tal-IVF.