Is-Sindku tal-Qala Paul Buttigieg ingħata midalja għall-Qadi tar-Repubblika.
Paul Buttigieg twieled il-Qala fl-1963. Huwa mastrudaxxa professjonali u kien elett fil-Kunsill Lokali tal-Qala fl-2017 f’isem il-Partit Laburista, fejn ilu jservi bħala Sindku għal dawn l-aħħar seba’ snin.
Buttigieg ilu għal aktar minn 20 sena attiv f’kampanji favur l-ambjent u t-tgawdija tiegħu miċ-ċittadini, kemm f’raħal twelidu u anke fi bnadi oħra ta’ Malta u Għawdex.
Huwa l-aktar magħruf għall-ġlieda tiegħu biex isalva Ħondoq ir-Rummien, li għaliha saħansitra kiseb il-laqam ‘Pawlu ta’ Ħondoq’.
L-attiviżmu ta’ Buttigieg issarraf f’ battalja ta’ 22 sena kontra żvilupp massiċċ propost għal din iż-żona tal-pajjiż. Din il-ġlieda laħqet il-qofol tagħha fl-2023 meta I-Qorti tal-Appell irrifjutat I-appell tal-iżvilupptatur.
Il-ħidma ta’ Buttigieg wasslet sabiex Ħondoq ir-Rummien ma jigix żviluppat u jista’ jibqa’ jitgawda mingħajr hlas mill-Għawdxin, il-Maltin u t-turisti li jżuruh.
Matul is-snin, Buttigieg kien strumentali f’kampanji oħra favur l-ambjent, fosthom il-ġlieda biex jigi salvat il-Wied tal-Marġa, sors ta’ ilma naturali importanti għall-bdiewa, u l-kampanja biex jitwaqqaf l-iżvilupp fuq art agrikola f’Ta’ Muxi ġewwa l-Qala.
Buttigieg jipparteċipa attivament f’kampanji li jsiru f’irhula oħra mmirati biex jipproteġu l-ambjent.