Is-Sindku tal-Qala Pawlu Buttigieg enfasizza kif illum qed nitkellmu dwar il-protezzjoni ta’ Ħondoq ir-Rummien bis-saħħa biss tal-Partit Laburista wara ġlieda ta’ għexieren ta’ snin, fejn Gvernijiet Nazzjonalisti kienu lesti li jbiegħu u jagħtu din iż-żona pittoreska għall-iżvilupp.
Dan hekk kif il-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar tal-Iżvilupp iddiskuta l-pjani lokali proposti biex l-art ta’ Ħondoq tibqa’ mhux mittiefsa u l-ebda żvilupp ma jista’ qatt iseħħ fiha, kif imwiegħed mill-Prim Ministru Robert Abela nnifsu.
Fil-kumitat issemma kif taħt Gvern Nazzjonalista din l-art kienet ingħatat għall-iżvilupp, tant li ddaħħlet fil-pjani lokali dak iż-żmien mill-Ministru għall-Ambjent George Pullicino taħt il-Gvern ta’ Lawrence Gonzi.
Hawn is-Sindku tal-Qala indirizza lid-Deputat Nazzjonalista Għawdxi Alex Borg, li kien preżenti speċifikament għal dan il-kumitat Parlamentari u hu magħruf kemm hu qrib l-eks Ministru Giovanna Debono.
“Imbagħad fl-2006 inbidlet il-Local Plan li saret minn wara dahar il-Kunsill. Nerġa’ ngħid niddejjaq inkun politiku, imma l-fatti ma tistax tbiddilhom. Għax li kieku ma sarux dawk il-manuvri fl-2002, kieku llum m’aħniex niddiskutu u issa kieku l-Bambin jaf kemm telgħu siġar. U qegħdin ingawduh jien, il-familja tiegħi, il-familja tiegħek, Sur Alex.”
Pawlu Buttigieg, is-Sindku tal-Qala
Buttigieg irringrazzja lill-Gvern attwali li, minn dejjem fehem il-karba u ġġieled biex l-art tal-Ħondoq tibqa’ f’idejn il-poplu Għawdxi u Malti.
Fi tmiem dan il-kumitat, ONE News tkellem mas-Sindku tal-Qala, li qal kif il-Kunsill tal-Qala llum jilqa’ li l-pjani lokali għal din l-art se jinbidlu biex din tibqa’ protetta minn kull żvilupp, għajr biex fiha jsir proġett ta’ afforestazzjoni.
“Bi pjaċir nilqugħ b’idejna miftuħa, għax anke l-konsulent li qabbadna aħna għaż-żmien twil, Dr Bonello, qablet miegħu perfettament. Jiġifieri kien hemm xi clarifications li ġew kjarifikati, biex issa hekk f’Marzu tingħalaq il-local plan darba għal dejjem u l-Ħondoq ikun salvat.”
Pawlu Buttigieg, is-Sindku tal-Qala
Pawlu Buttigieg irringrazzja lill-Prim Ministru Robert Abela, li anke qabel daħal fil-kariga li għandu, kienu miegħu f’din il-kawża.
“Nixtieq ukoll nirringrazzja lill-Prim Ministru Dr Robert Abela, li għal dawn l-aħħar snin kien jagħtini pariri ta’ x’għandi nagħmel u li żamm kelmtu biex issa l-local plan ta’ Ħondoq se tinbidel darba għal dejjem biex tiġi afforestazzjoni biss.”
Pawlu Buttigieg, is-Sindku tal-Qala
Għas-seduta tal-kumitat Parlamentari kienu preżenti wkoll id-Deputati Laburisti Deo Debattista u Alex Muscat u s-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia.