Il-kwistjoni fil-Kunsill Nazzjonalista ta’ Ħal Għargħur kompliet tbaqbaq fl-aħħar ħinijiet, wara li s-Sindku Helen Gauci, li tinsab f’nofs kontroversja sħiħa tant li kontriha hemm mozzjoni ta’ sfiduċja, irrifjutat li tippubblika sempliċi stqarrija li tiċċara r-raġuni għall-għeluq tal-uffiċini tal-Kunsill.
Dan ovvjament kontra kull interess tar-residenti fil-lokalità.
Il-Kunsilliera Laburista Mariah Meli, spjegat fuq il-midja soċjali r-raġuni vera għaliex il-Kunsill ta’ Ħal Għargħur ma kienx miftuħ fil-jiem tal-Ħamis u l-Ġimgħa, u dan minħabba li l-amministrazzjoni kollha kienet bil-leave u mhux minħabba l-kwistjoni pendenti, li għaddejja bħalissa li tinvolvi akkużi serji dwar amministrazzjoni ħażina, inkluż bi ħlasijiet dubjużi u aktarx irregolari.
Għalkemm kien hemm qbil sħiħ biex l-informazzjoni tiġi ppubblikata fuq is-sit tal-istess Kunsill, anke biex in-nies tkun mgħarrfa aħjar, jirriżulta li s-Sindku rrifjutat.
Meli tenniet li l-unika membru fil-Kunsill, li għandu l-aċċess għall-midja soċjali uffiċjali, hi proprju s-Sindku Helen Gauci.
Minflok, din għażlet li tkompli żżid il-ħatab fuq in-narrattiva qarrieqa li l-Kunsill kien magħluq f’dawn il-jiem minħabba l-kwistjoni kbira li għaddejja.
Fil-jiem li għaddew, iż-żewġ Kunsillieri Laburisti, Meli u Christopher Fenech, flimkien mal-Viċi Sindku indipendenti Francesca Attard, qablu li għandha titressaq mozzjoni ta’ sfiduċja fit-tmexxija tas-Sindku, wara li baqgħu fil-għama wara diversi talbiet għall-informazzjoni dwar nefqiet suspettużi.
Tali n-nuqqasijiet ukoll ġibed l-attenzjoni dwarhom ħadd ħlief l-Awditur Ġenerali, iżda anke dan is-Sindku Nazzjonalista ġiet taqa’ u tqum anke mill-preżentazzjoni tar-rapport annwali.
Fl-aħħar ġimgħat, il-Partit Nazzjonalista tilef il-maġġoranza tiegħu ta’ siġġu wieħed fil-kunsill wara li l-Viċi Sindku rriżenjat u żammet postha bħala indipendenti.