Hekk kif fl-aħħar jiem tħabbar li l-Partit Laburista se jkun qed itella’ attività politika fiċ-Ċentru Laburista tal-Marsa nhar il-Ħadd li ġej, 26 ta’ Novembru, bis-sehem tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela, dan l-istazzjon tkellem mas-Sindku tal-lokal.
F’kummenti li għaddielna, Josef Azzopardi appella lill-pubbliku, b’mod partikolari lill-poplu Marsi, biex jattendi għal din l-attività li tibda fl-għaxra u nofs ta’ filgħodu.
Azzopardi ma naqasx milli jinnota l-ħidma ta’ Gvern Laburista b’risq il-komunità tal-Marsa, b’mod speċjali.
Qal, “Fil-fatt, fit-12 ta’ Diċembru l-Prim Ministru ġej il-Marsa wkoll biex saħansitra jiftaħ Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-anzjani fil-binja tal-Kunsill. Dan ikompli ma’ xogħol li diġà għamilna għall-anzjani u persuni b’diżabilità fejn għandna anke trasport mill-Kunsill biex nieħdu lill-anzjani tagħna fl-isptarijiet.”
Azzopardi nnota wkoll numru ta’ proġetti ambjentali li ttellgħu fil-Marsa fl-aħħar xhur, bil-għan li jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ dawk li jiffrekwentaw il-lokalità.
Stqarr, “Fosthom anke tajna ħajja mill-ġdid lill-Ġnien Belvedere u bħalissa għaddej xogħol ukoll fuq Ġnien Spencer. Flimkien ma’ dawn inżid ukoll il-ħidma kbira li ssir mal-Pulizija tal-Komunità fejn anke ġiet introdotta n-Neighbourhood Watch fil-lokal tagħna u dejjem għaddejjin naraw kif nistgħu ntejbu l-ħajja tan-nies tal-lokal.”
Is-Sindku temm jirriafferma l-appell tiegħu għall-attività politika tal-Ħadd li ġej fejn innota li l-attendenza ta’ dawk preżenti se tkompli toffri appoġġ lill-ħidma li qed iwettaq Gvern Laburista.