Fl-attività politika f’Ta’ Sannat Għawdex tkellem ukoll is-Sindku tal-Għasri Daniel Attard, is-Sindku li ġimgħa ilu rriżenja minn mal-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech.
F’diskors li għamel Daniel Attard, qal kif il-Parit Laburista mmexxi minn Robert Abela ma jħares lejn wiċċ ħadd.
Attard tenna, “Dan li qed ngħid mhux xi ħolma jew twemmin, din hi realtà, din hi esperjenza ma’ Gvern Laburista li ma jħares lejn wiċċ ħadd u jaħdem ma’ kulħadd irrispettivament mill-kulur.”
F’Ta’ Sannat, Daniel Attard qal kif Robert Abela dejjem għaraf x’inhu t-tajjeb u nnota kif tul it-tmexxija tiegħu f’dan l-aħħar sentejn huwa wettaq bosta riforma kruċjali għal pajjiżna.
Huwa stqarr, “Hu veru li xejn u ħadd mhu perfett pero jien illum konvint li Dr Robert Abela għaraf it-tajjeb u saħħu. Fiż-żmien li għamel bħala Prim Ministru b’għaqal u direzzjoni wettaq diversi riformi bla preċedent u b’kuraġġ idderiġiena f’pandemija kiefra li laqtet lil pajjiżna. U għalhekk qiegħed hawn illum għax jien għext din ir-realtà ta’ xi tfisser Malta flimkien għax flimkien biss, b’rispett u mħabba lejn xulxin aħna wkoll nistgħu mmexxu ’l pajjiżna ’l quddiem.”