Is-Sindku tal-Fontana, li ħames snin ilu tela’ f’isem il-Partit Nazzjonalista u din id-darba għażel li joħroġ indipendenti, qal li l-Partit Nazzjonalista jrid jiskreditah.
Dan wara li s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino bagħat ittra fid-djar tar-residenti tal-Fontana u semma l-fatt li s-Sindku Saviour Borg għażel hu li ma joħroġx mal-Partit Nazzjonalista.
Iżda l-fatti kif spjegati minn Borg juru mod ieħor, li ħassu diżappuntant bl-ittra li bagħat Piccinino biex fi kliemu kienet imfassla biex tiskredita ħidmet is-Sindku.
Borg li kontra l-impressjoni li qed jipprova jagħti Piccinino, il-Partit Nazzjonalista, baqa’ ma avviċinax la lilu u lanqas lil sieħbu Carmel Farrugia, Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista, u dan biex joħorġu f’isem il-partit.
Huwa semma diversi laqgħat fosthom waħda tal-Kumitat Sezzjonali ġewwa l-każin Nazzjonalista tar-Rabat Għawdex.
Hemm Piccinino wiegħed lil Saviour Borg li se jressaq it-talba tiegħu quddiem il-Kumitat Amministrattiv u se jżommu infurmat iżda fil-fatt Borg baqa’ ma sema’ xejn bil-konsegwenza li ma kellux triq oħra ħlief li jikkontesta indipendenti għax ried jibqa’ jaħdem għall-Fontana.
Borg huwa wieħed minn erba’ Sindki Għawdxin li telgħu f’isem il-Partit Nazzjonalista ħames snin ilu, li din id-darba għażlu li jew jikkontestaw f’isem il-Partit Laburista jew indipendenti.
Borg huwa wkoll bħal James Cauchi, Kunsillier f’Bormla li kien ħareġ mal-Partit Nazzjonalista u din id-darba ġie mċaħħad jagħmel l-istess tant li fetaħ proċeduri fil-Qorti kontra l-Partit Nazzjonalista.
Cauchi wkoll kien qal li Piccinino u saħansitra anki l-Kap Bernard Grech assigurawh u serħulu moħħu li se jkun fuq il-lista tal-kandidati Nazzjonalista iżda mbagħad daħqu bih u ma kellmuhx iżjed.
Saħansitra, bħal każ ta’ Borg fil-Fontana, il-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija pubblika jattakka d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsillier tagħhom stess Bormliż.