Is-Sindku ta’ Santa Venera, Stephen Sultana, ġie illiberat mill-Qorti minn kull akkuża, fosthom li kien taħt l-influwenza tax-xorb waqt is-sewqan jew irrifjuta li jagħmlulu test tal-breathalyser.
Fil-verità, il-Qorti qalet li ma kien l-ebda provi konkreti fil-konfront ta’ Sultana, li kien assistit mill-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri.
Waqt li ċaħad l-akkużi kollha miġjuba kontrih, Sultana xehed li hu kien kellem liż-żewġ uffiċjali tal-LESA, li waqqfuh, għax innota li kienu qed jonqsu mill-qadi ta’ dmirijiethom.
L-uffiċjali tal-LESA qalu li kienu waqqfu l-vettura tas-Sindku wara li, fil-fehma tagħhom, dan kien qed isuq b’mod perikoluż.
Minkejja dan, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Viktor Axiak, qalet li għandha dubji raġjonevoli dwar dak li qalu ż-żewġ uffiċjali u illiberat lil Sultana minn kull akkuża kontrih.