Xogħlijiet infrastrutturali f’Ħal Kirkop, li kellhom idumu xahrejn, spiċċaw jieqfu u allura jtulu iżjed minħabba ċirkostanzi mhux mistennija, inkluż is-sejba ta’ xelter tat-Tieni Gwerra Dinjija.
Dan ingħad mis-Sindku Matthew Agius Zammit wara rapporti fil-midja.
Hu qal li, bħalissa, fi Triq il-Kbira qegħdin jingħaddu high tension cables għal Misraħ iż-Żernieq minn Triq Salvu Sacco biex tissaħħaħ id-distribuzzjoni fiż-żona.

Waqt li l-kuntrattur kien qed iqatta’ madwar 300 trinka b’fond ta’ metru, ġie nnotat li mejn antik tal-ilma kien fil-wiċċ u għaldaqstant kellhom jgħaddu pajpijiet ġodda.
Fl-istess ħin instabet il-bokka tax-xelter, li ma kienx magħruf, xi ħaġa li kompliet tawlet ix-xogħlijiet, anke sakemm tinġabar l-informazzjoni relatata u kif dan se jiġi ppriservat u jinfetaħ għan-nies.
Dwar ir-rampi tal-ħadid, Agius Zammit tenna li xi partijiet ma setgħux jiġu adottati minħabba bażi mhux b’saħħitha, bl-OHSA tirrakkomanda li fil-każ ta’ sitt garaxxijiet ma setgħux ikollhom dawn il-pjanċi.
Is-Sindku rringrazzja lill-entitajiet kollha li, bis-saħħa tagħhom, Ħal Kirkop se jkollu infrastruttura reġjonali aħjar.
