Is-Sindku Nazzjonalista tas-Swieqi, Noel Muscat infexx jgħajjat u jirrabja mar-residenti ta’ din il-lokalità wara li qabad u ddeċieda li jitqaċċtu żewġ siġar fi Triq is-Sejjieħ, minkejja li kienu ilhom hemm iżjed minn għoxrin sena.
Fil-fatt fil-grupp Swieqi Residents fuq Facebook, diversi residenti esprimew ir-rabja tagħhom wara li l-Kunsill ħareġ avviż li żewġ siġar se jitqaċċtu minn posthom bl-iskuża li l-ħajt ta’ tennis court li hemm kien se jaqa’. Madankollu, residenta ċaħdet din l-iskuża u ppubblikat ritratt tal-ħajt, li kien għadu f’kundizzjoni tajba.
Wara dan, waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista, li għaliha kien preżenti l-istess Muscat, ONE News staqsih għalxiex, minkejja li l-ilmenti tar-residenti li saħansitra qalu li dan hu ġenn tal-moħħ, is-Sindku spiċċa ma jagħtix kashom u t-Tlieta filgħodu tefgħu ritratti tas-siġar qed jitqaċċtu.
Hawnhekk Muscat infexx jirrabja mal-istess residenti u qalilhom li, flok jilmentaw, messhom imorru għal-laqgħat li jorganizza l-kunsill u mhux hu jispiċċa jitkellem waħdu.
Qal, “Lin-nies nissuġġerilhom li meta jkollna l-locality meeting, jattendu, mhux ma jiġi ħadd u nispiċċa nitkellem waħdi.”
Sorsi li tkellmu ma’ dan l-istazzjon qalu li din id-deċiżjoni wkoll ikkawżat tensjoni bejn is-Sindku u l-Viċi Sindku tal-PN, Jordan Galea Pace, tant li waqt laqgħa dan tal-aħħar qam u telaq ’il barra wara li Muscat beda jgħajjat u jwerżaq.
U minkejja dan, is-Sindku xorta baqa’ jħambaq li kellhom jitqaċċtu.
Qal, “Kellna nqaċċtuhom.”
U fl-istess nifs kompla jgħid li, minkejja li kellhom għexieren ta’ opinjonijiet u suġġerimenti dwar x’għandhom jagħmlu biex jissalvagwardjaw dawn is-siġar, xorta ddeċidew li jmorru kontra l-opinjoni tar-residenti u jneħħuhom.
Qal, “Min qalilna tiżborhom waħda sew … kien hemm ħafna opinjonijiet, però, fl-aħħar mill-aħħar, indunajna li l-uniku soluzzjoni kienet li jitneħħew.”
Sadanittant l-istess Sindku Nazzjonalista, li wkoll ikkontesta l-elezzjoni ġenerali fuq id-Disa’ Distrett, il-Ħadd filgħodu tkellem f’attività politika tal-Partit Nazzjonalista fil-Kalkara fejn, f’diskorsi isteriċi li saru, b’ironija kbira qal hekk.
Qal, “Qawwu qalbkom, ir-riħ tal-bidla qed jinħass u se jiġi żgur.”