Is-Sindku tas-Swieqi Noel Muscat inżamm responsabbli għal inċident li fih mara waqgħet f’ħofra u weġġgħet.
Il-Qorti ordnat lil dan il-Kunsill Lokali mmexxi mis-Sindku Nazzjonalista sabiex iħallas kumpens ta’ €10,000 lil mara.
Dan il-każ imur lura għal Diċembru tal-2015, meta l-mara, Carmen Micallef kienet miexja fi Triq Joseph Calleja u minħabba li dakinhar kienet ix-xita ma ndunatx bil-ħofra li kien hemm fit-triq, fejn hija baqgħet nieżla fiha.
Meta ppruvat tqum minn hemm reġgħet waqgħet, hekk kif ħassha ħażin.
Fil-Qorti, il-mara spjegat li damet ħamest ijiem l-isptar u ġiet operata.
Qalet ukoll li hija kellha tieħu l-leave kollu sakemm tirkupra u qabdet seftura sabiex tgħinha fix-xogħol tad-dar.
Il-Kunsill Lokali ta’ din il-lokalità pprova jitfa’ t-tort fuq l-Awtorità tat-Trasport, b’din l-awtorità tgħid kif din it-triq mhux arterjali u għalhekk il-Kunsill huwa responsabbli għaliha.
Il-Qorti mmexxija mill-Maġistrat Rachel Montebello qalet kif it-triq minħabba li mhijiex arterjali taqa’ f’idejn il-Kunsill Lokali u sostniet li l-Kunsill għandu jneħħi kull periklu għaċ-ċittadini.