Is-Sindku tal-Qala, Paul Buttigieg, esprima l-għadab tiegħu għall-aħħar żviluppi b’rabta mal-art fil-lokal li jirrappreżenta fi kwistjoni fejn il-Kurja tal-Arċisqof irrinunzjat l-kontroll li kellha fuq meded kbar ta’ artijiet Għawdxin għal mitejn elf ewro.
Dan b’riżultat li familja issa ġiet ordnata tiżgombra minn darha, filwaqt li bosta oħrajn jinsabu f’riskju serju li jgħaddu mill-istess destin.
B’reazzjoni għal dan l-aħħar żvilupp, wara saga twila li rat lill-Kurja u saħansitra lill-Arċisqof Charles Scicluna nnifsu jfarfru mir-responsabbiltà, ONE News kellem lis-Sindku Laburista Paul Buttigieg, li rrimarka minn xiex qed jgħaddu persuni li għandhom proprjetà fuq dawn l-artijiet li jestendu wkoll għal-lokal tan-Nadur.
“In-nies min għandu daru, u Alla jaf biss kemm ħadem biex ħallasha u min xtraha għadu bil-loans fuqha nkeċċuhom ’il barra? Dan il-għala? Biex inkomplu nħaxxnu butna? Qed naqbel ma’ dak li qal il-Prim Ministru.”
Pawlu Buttigieg – Sindku Qala
Fil-fatt, ftit jiem wara li ġiet żgombrata l-familja fil-Qala, il-Prim Ministru Robert Abela kien għadda messaġġ b’saħħtu favur ir-residenti li jgħixu fuq artijiet amministrati mill-Fondazzjoni Abbazia di Sant Antonio delli Navarra.
Is-Sindku tal-Qala fakkar kif dan il-każ tal-art fil-Qala jirrifletti ċ-ċirkostanzi li wasslu għal ġlieda biex jiġi salvat Ħondoq ir-Rummien.
“Dan il-każ, inqabblu wkoll mal-każ ta’ Ħondoq. Ħames mitt sena ilu, il-Kavallieri qalu hemmhekk tagħna. Orrajt għaddewh lill-Patrijiet Agostinjani, dawn għaddewh lin-nies tal-Qala. Imma, imbagħad, in-nies tal-Qala x’ħin ġie ż-żmien daqqa ta’ sieq ’il barra, il-Patrijiet Agostinjani nnegozjawh fl-1988 bi skop u allaħares ma kienx il-Gvern attwali li qed jieħu l-passi kollha biex Ħondoq jiġi lura tal-poplu.”
Pawlu Buttigieg – Sindku Qala
Buttigieg temm jappella biex jittieħdu l-passi neċessarji ħalli l-familji affettwati minn dawn l-aħħar żviluppi jiġu salvagwardjati.
“Jien hawn nappella, anke bħalma qal l-Isqof ta’ Għawdex, biex jittieħdu l-passi neċessarji u, jekk sar żball, jerġa’ jissewwa.”
Pawlu Buttigieg – Sindku Qala