Seba’ xhur mill-elezzjonjiet tal-kunsilli lokali, bosta sindki ġodda ħadu sehem f’seduta speċjali tal-Parlament li ddiskutiet il-ħidma tal-gvern lokali.
Is-Sindku Laburista ta’ Ħaż-Żabbar Jorge Grech ippropona bidla fil-liġi biex anke żgħażagħ ta’ sittax jew sbatax-il sena jkunu jistgħu jokkupaw il-kariga ta’ sindku.
Dan wara li fil-leġislatura li għaddiet, il-Gvern emenda l-liġi biex żgħażagħ ta’ sittax-il sena mhux biss ikunu jistħgu jivvotaw imma anke joħorġu bħala kandidati għall-elezzjonijiet lokali.
“Qed nafdaw liż-żgħażagħ bil-vot 16 u tajna aktar ċans liż-żgħażagħ isemmgħu leħinhom, imma mhux qed nagħtuhom ċans biex ikunu huma li jmexxu l-lokalitajiet tagħna. Ladarba l-poplu tahom il-fiduċja biex imexxu, għandhom ikunu huma stess li jmexxu l-lokalità fil-kariga ta’ Sindku u Viċi-Sindku.”
Is-Sindku Laburista tal-Imqabba Omar Farrugia wera sodisfazzjon għall-fatt li l-Kunsilli Lokali reġgħu ngħataw vuċi fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Saħaq li dan huwa mezz ieħor biex il-ħidma tal-kunsilli tkun eqreb lejn ir-residenti.
“Hemm diversi metodi kif wieħed imexxi l-lokalità ‘l quddiem. Ejja naqdbu lkoll flimkien insibu d-djalogu soċjali bejn kulħadd u nsibu l-bilanċ li kulħadd għandu bżonn biex inkomplu nressqu l-lokalitajiet tagħna ‘l quddiem kif jixraqilhom.”
L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li dawn is-seduti parlamentari b’differenza jitfgħu dawl fuq kif ir-riforma fil-Gvern Lokali qed tolqot lill-kunsilli, u kif l-operat tagħhom jista’ jkun ferm aktar trasparenti.
Id-Direttur Ġenerali għall-Gvern Lokali Natalino Attard qal li l-maġġoranza tal-miżuri li kienu proposti fl-2017 għal dan il-qasam ġew implimentati, u l-baġit għall-Gvern Lokali din is-sena jaqbeż it-€3 miljun.
Fl-istess ħin il-Whip Parlamentari Laburista Glenn Bedingfield ħabbar li s-Sindki tal-Kottonera kollha se jibda jkollhom sehem fil-Bord Amministrattiv tal-Fondazzjoni għall-Istrateġija tal-Kottonera.