Għal diversi snin kull min kien jipprova jżur il-kumpless medjevali tas-Simblija kien isib ostaklu sabiex effettivament iżur s-sit. Żviluppaw diversi inċidenti, b’uħud saħansittra jeskalaw fil-Qrati ta’ Malta, b’allegazzjonijiet ripetuti li l-art hija propjetà privata ta’ ċertu bidwi.
Il-monument nazzjonali skedat bħala Grad 2 li jinkludi fih raħal medjevali, huwa wieħed mill-uniċi siti kkonservati f’dan l-istat f’pajjiżna. L-importanza ta’ dan is-sit għall-istorja ta’ pajjiżna hija indeskrivibbli. Dan ma kienx l-unika struttura ta’ dan it-tip f’Malta, biss però huwa wieħed mill-aħħar li baqalna ikkonservat f’dan l-istat, bil-karatteristiċi kollha tiegħu. L-arkeoloġi identifikaw diversi bjar u ġibjuni li fihom il-bdiewa kienu jaħżnu l-ilma. Iż-żona kienet maqsuma f’ġonna bis-siġar.
Fil-kmamar u fl-għerien kien jinħadem u jiġi proċessat il-frott li mbagħad kien jitqassam mal-gżira u jintuża anke min-nies li kienu jaħdmu u jgħixu hemmhekk. Kamra bi tliet arkati li tixbah ħafna lill-knejjes medjevali, fiwaqt li kamra oħra ċirkulari possibilment kienet tintuża bħala ċentimolo jiġifieri mitħna li taħdem bil-qawwa tal-idejn jew tal-annimali. Fis-sit issib sistema li torbot waħda mal-oħra.
Fl-2003, taħt Gvern Nazzjonalista l-kumpless medjevali bbenefika minn restawr estensiv iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea li ammonta għal madwar €43,000. Lura fl-2003, l-Eks Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista George Pullicino li dak iż-żmien kien Ministru għall-Affarijiet Rurali kien ikkonferma fil-Parlament li l-bdiewa li kienu jużaw parti mill-kappella medjevali u l-għerien kienu nbnewlhom żewġ garaxxijiet mill-Gvern sabiex ikunu rilokati.
Madankollu, għal diversi snin l-aċċess għal dan il-villaġġ medjevali li jinsab fuq art tal-Gvern ma kienx wieħed faċli. L-investiment ta’ eluf ta’ flus ma setax jitgawda, la l-Gvern Nazzjonalista ma qabadx il-barri minn qrunu u waqqaf lil min ma kienx qed iħalli lin-nies iżuru s-sit storiku.
Plakka kommemorattiva, mapep u pannelli installati matul ir-restawr tal-2003, li kienu jindikaw id-dritt tal-aċċess tal-pubbliku, tneħħew minn individwi mhux magħrufa.
Kellu jkun Gvern Laburista li jirtira lura l-kirja tal-mogħdija li minnha wieħed jista’ jaċċessa s-sit, li kienet parti minn kumpless ikbar ta’ art agrikola maqsuma bejn disa’ bdiewa. Dan il-proċess tlesta fl-aħħar ta’ Mejju, meta s-sit ta’ patrimonju storiku sar formalment art pubblika. L-istudju tal-arkeoloġija fadal jipprovdi iktar dettalji dwar dan is-sit li għandu jkun suġġett għal iktar riċerki, li issa jistgħu jsiru.
L-istess indiviwu li jallega li s-sit storiku huwa propjetà tiegħu, huwa l-awtur ta’ diversi kruċjati kontra l-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli. Saħansittra infetħet investigazzjoni jekk it-tabella informattiva li tindika s-sit tas-Simblija kellhiex titwaħħal, bl-istħarriġ tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet u l-Awditjar Intern juri li l-Kunsill Lokali ma għamel xejn illegali. Kien ukoll l-istess individwu l-moħħ wara l-allegazzjonijiet fuq l-investiment fiċ-Ċentru Interpretattiv The Cliffs li l-Kunsill Lokali għamel mal-privat u li l-midja tal-Partit Nazzjonalista b’tant furur rikbet, u li ġew imxejna bir-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali għall-Awditjar.
Għaldaqstant, issa li s-sit jista’ jerġa’ jitgawda mill-pubbliku, il-Kunsilli Lokali ta’ Ħad-Dingli u tar-Rabat ħasbu sabiex fl-14 ta’ Settembru organizzaw mixja edukattiva fl-okkażjoni tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità bl-għan li jqajmu għarfien dwar l-importanza ta’ użu ta’ mezzi alternattivi għat-trasport tradizzjonali. Fl-istess waqt din kienet opportunità għal ħafna nies li qatt ma kellhom l-opportunità li jżuru s-Simblija sabiex jingħata iktar informazzjoni dwar l-importanza tas-sit storiku.
Din l-inizjattiva hija waħda mid-diversi attivitajiet li l-istess Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli u Kunsilli Lokali oħra madwar Malta u Għawdex se jkunu qed itellgħu proprju f’din il-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità, wara li bbenefikaw minn fondi għalihom.