Is-SIM card, li ntużat biex tisplodi l-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia f’Ottubru tal-2017, ġiet ittestjata tliet darbiet qabel l-omiċidju, bl-ewwel darba tkun f’Jannar tal-istess sena.
Dan ħareġ mill-ġuri dwar żewġ omiċidji, dak ta’ Caruana Galizia u tal-Avukat Carmel Chircop fl-2015, li kompla l-Ħamis filgħodu. F’din is-seduta, kien imiss lill-esperti tal-FBI William Shute u Richard Fennern biex jixhdu.
Fil-Qorti, Shute spjega li hu ġie informat bil-każ tal-qtil ta’ Caruana Galizia meta kien il-Ġermanja fuq xogħol. Wara talba mill-awtoritajiet Maltin, diversi investigaturi tal-FBI kienu ġew Malta biex jgħinu lill-Pulizija Maltija fl-investigazzjoni.
L-aħwa Adrian u Robert Agius, magħrufin bħala “tal-Maksar”, Jamie Vella u George Degiorgio “iċ-Ċiniż” qed jiffaċċjaw l-akkużi fil-ġuri.
Waqt li Robert Agius u Jamie Vella qed jiġu akkużati li pprovdew il-bomba li qatlet lil Caruana Galizia, Adrian Agius qed jiffaċċja l-akkużi li kkummissjona l-qtil tal-avukat u Jamie Vella u George Degiorgio li wettquh.