Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri kellu laqgħat mal-Ministru għall-Intern Libjan Emad Trabelsi fejn ġew diskussi miżuri konkreti dwar kif Malta u l-Libja se jkomplu jikkoperaw fl-oqsma tas-sigurtà, u kif Malta tista’ tkompli tassisti l-eżerċizzju ta’ żvilupp tal-kapaċitajiet tal-forzi tal-ordni Libjani.
Il-Ministru Camilleri attenda wkoll il-Forum dwar il-Migrazzjoni Trans-Mediterranja fi Tripli, li sar fil-Libja nhar il-Ħamis 17 ta’ Lulju, flimkien mal-Prim Ministru Robert Abela.
Il-Forum infetaħ mill-Prim Ministru Libjan Abdul Hamid Dbeibah. Dan il-Forum ifittex li jindirizza l-kwistjoni urġenti tal-migrazzjoni irregolari, li mhix biss immexxija minn fatturi bħall-faqar jew dawk ekonomiċi, iżda wkoll minn politika ekonomika u dik dwar is-sigurtà internazzjonali flimkien ma’ pożizzjonijiet politiċi lejn il-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran.
Waqt il-Forum, l-organizzaturi enfasizzaw l-isfidi li jiffaċċjaw il-pajjiżi Afrikani, inkluż it-tnaqqis tar-riżorsi umani u tat-talent żagħżugħ, u kif dawn ix-xenarji jeħtieġu approċċ komprensiv permezz tat-twaqqif ta’ qafas ta’ kooperazzjoni strateġika bejn il-pajjiżi Afrikani u Ewropej li jservi l-interessi tal-partijiet interessati kollha fil-kwistjoni tal-migrazzjoni, u li jiffoka primarjament fuq is-salvagwardja tad-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità tal-migranti.
Il-Ministru Byron Camilleri saħaq kif huwa biss permezz tal-prevenzjoni li nistgħu nottjenu riżultati tanġibbli u fit-tul u nevitaw aktar imwiet fuq il-baħar. B’mod partikolari, il-ministru enfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kuntrabandisti ta’ migranti, u li tiżdied b’mod sinifikanti r-rata ta’ ritorn, sabiex jitwassal messaġġ b’saħħtu li l-migrazzjoni irregolari mhix għażla vijabbli.
Il-Ministru enfasizza wkoll l-importanza li ssir ħidma lejn objettiv aktar fit-tul; l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni. Huwa enfasizza l-importanza li jsir investiment fil-pajjiżi tal-oriġini biex jinħolqu aktar impjiegi għall-popolazzjonijiet tagħhom u jiġu żviluppati setturi ewlenin bħall-ekonomija, l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa. Approċċ bħal dan, qal Camilleri, jippermetti liż-żgħażagħ jistabbilixxu futur f’art twelidhom mingħajr ma jkollhom għalfejn jirrikorru għall-migrazzjoni irregolari bil-perikli kollha li din tinvolvi.
Il-ministru tkellem ukoll dwar il-ħtieġa li tiġi adottata strateġija bbażata fuq fiduċja reċiproka u kooperazzjoni bejn il-pajjiżi ta’ oriġini, transitu u destinazzjoni. F’dan ir-rigward, il-ministru enfasizza r-relazzjoni eċċellenti bejn il-Libja u Malta u l-livell għoli ta’ kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi fil-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari, li fl-aħħar snin wasslet għal riżultati tanġibbli.
Fl-aħħar nett, il-ministru nnota l-importanza li l-pajjiżi ta’ oriġini, tranżitu u destinazzjoni jaħdmu flimkien biex jindirizzaw l-isfidi relatati mal-migrazzjoni irregolari. Il-Ministru qal li huwa biss permezz tal-għaqda li wieħed jista’ jikseb riżultati fit-tul u jwaqqaf lin-nies milli jissugraw ħajjithom fi vjaġġi perikolużi fejn ikunu kompletament taħt il-poter ta’ kuntrabandisti bla skrupli, vjaġġi li ħafna drabi jwasslu għat-telf ta’ tant ħajjiet innoċenti.