Waqt diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea fil-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija tal-Parlament Ewropew, il-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar saħqet li l-Unjoni Ewropea trid tagħmel aktar biex tipproteġi l-aktar ċittadini vulnerabbli tagħha mill-prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew. Il-prezzijiet tal-enerġija qed jilħqu l-ogħla livelli u minkejja l-pjan tal-UE għat-tnaqqis tal-gass, ħafna intrapriżi, kemm kbar kif ukoll żgħar, qed jiffaċċjaw problemi ekonomiċi kbar li se jwasslu għal konsegwenzi negattivi fuq il-konsumaturi.
Hija qalet li huwa importanti li wieħed jinnota li dan qed jaffetwa l-impjiegi fis-setturi ekonomiċi ewlenin u jista’ jwassal ukoll għal żieda fil-prezzijiet ta’ prodotti bażiċi. Għalhekk, il-Kummissjoni trid tindirizza dawn l-effetti b’azzjonijiet konkreti biex tipproteġi l-kapaċità tal-akkwist taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea.
Filwaqt li f’Malta miżuri meħuda minn Gvern Laburista qed jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż ogħla fil-qasam tal-enerġija, dan ma jfissirx li ma niġux milquta minn, per eżempju, prezzijiet ogħla ta’ prodotti impurtati, inkluż dawk bażiċi. Dan għaliex prezzijiet ogħla tal-elettriku, ifissru wkoll li l-ispejjeż tal-produzzjoni ta’ prodotti diversi jiżdiedu u fl-aħħar mill-aħħar dan il-prezz hemm ċans li jbatih il-konsumatur.
Dr Josianne Cutajar żiedet li l-prezzijiet tal-enerġija kienu diġà bdew jiżdiedu qabel il-gwerra fl-Ukrajna iżda l-effetti tagħha komplew jaggravaw iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Il-MPE tenniet li l-Unjoni Ewropea għandha titgħallem mill-iżball tagħha: Ma tistax tibqa’ dipendenti żżejjed fuq pajjiż wieħed bħar-Russja jew kwalunkwe’ pajjiż terz ieħor għall-ħtiġijiet tal-enerġija tagħha.