B’rabta ma’ diversi allegazzjonijiet fil-midja, il-Malta Public Transport għamlet sejħa lill-midja biex turi t-trasparenza assoluta f’ħidmietha. Dan kontra l-impressjoni li pprovat tingħata fl-aħħar jiem dwar xi nuqqas ta’ sigurtà.
Tkellimna, fost l-oħrajn, mal-General Manager tal-MPT, Konrad Pule, li spjegalna d-diversi proċessi li jittieħdu biex tiġi żgurata s-sigurtà fuq il-karozzi tal-linja.
Dan filwaqt li ċaħad kategorikament dak li ntqal fil-midja – li xi impjegati ġew imġiegħla jiċċertifikaw bħala tajbin karozzi tal-linja li jkollhom xi ħsarat.
“Mhux minnu li aħna nħallu karozzi tal-linja joħorġu fuq it-triq jekk mhumiex siguri fit-triq. Għandna proċessi interni stabbiliti min-naħa tal-grupp tagħna. Mhux aħna biss nagħmluhom – aħna noperaw f’postijiet madwar id-dinja.”
Fil-fatt, rajna wkoll diversi dokumenti u ċifri, li juru l-interventi kollha li jkunu saru fuq il-karozzi tal-linja, fosthom kemm-il darba kull vettura tittieħed għand il-mekkanik, u liema parts ikunu nbidlulha.
Hu qalilna, li kull 35 jum, kull vettura tittieħed fil-garaxx biex isirulha l-ispezzjonijiet meħtieġa fis-sistemi tal-brejkijiet, l-isteering, it-tyres, il-pressjoni tal-arja, iż-żejt u aspetti oħra ta’ sigurtà.
Dawn l-ispezzjonijiet, li jsiru anke ma’ kull 30,000 kilometru li tagħmel kull karozza tal-linja, jiġu ssorveljati minn membri tekniċi, anke internazzjonali.
“Għandna proċessi biex jassiguraw li ħadd ma jista’ jitfa’ pressjoni fuq xi ħadd biex karozza tal-linja ma jsirulhiex it-tiswijiet li hemm bżonn. Jiġifieri dan mhux minnu.”
Pule appella wkoll biex min ikollu xi dubju dwar is-sigurtà fl-operat ta’ xi karozza tal-linja, jagħmel kuntatt mal-kumpanija.
Dan filwaqt li qal li, qabel kull traġitt, ix-xufiera jridu jiċċekkjaw il-vettura: fosthom għal xi bozoz li jistgħu jixgħelu fuq id-dashboard biex jagħtu notifika ta’ xi ħsarat.
“Kollox hu llogjat u l-appell tiegħi hu li jekk ikun hemm xi dubji jew mistoqsijiet, għaliex le, minflok naslu għall-konklużjonijiet, ejja nistaqsu. Aħna qegħdin hawn biex nispjegaw u nagħtu b’mod trasparenti aċċess għas-sistemi tagħna biex nagħtu l-assigurazzjoni li hemm bżonn lill-pubbliku.”
Filwaqt li assigura li l-kumpanija timxi bi trasparenza u ġġib l-ewwel is-sigurtà tal-klijenti tagħha, kellna l-opportunità wkoll li naraw dawn it-testijiet isiru.
“Jiena nassigura lill-pubbliku li għandna proċessi biex nassiguraw li l-karozzi tagħna huma siguri fit-toroq, għax m’aħniex se nipperikolaw la l-impjegati tagħna, la x-xufiera tagħna, la l-passiġġieri tagħna u lanqas il-familji tagħna.”
Meta l-vetturi jkunu parti minn xi aċċident, dawn jiġu suġġetti wkoll għal aktar spezzjonijiet, filwaqt li jsiru testijiet fuq ix-xufiera: fosthom għall-alkoħol u d-drogi, li għalihom isir rapport formali.
Tkellimna wkoll ma’ Hector Astorga, li hu d-Direttur Tekniku tal-kumpanija fejn spjegalna kif isiru dawn l-ispezzjonijiet mil-lat tekniku.
“Every 35 days, the buses pass for the garage and we have a special team: the inspector, who reviews the buses, after they have to be approved by the supervisor of the inspector, and we have another filter, who either approves the issue or not.”