Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela, laqa’ lill-Kummissarju Ewropew għall-Unjoni tas-Sigurtà, Julian King, għal taħditiet dwar kwistjonijiet attwali b’rabta mas-sigurtà tal-Ewropa u dwar oqsma ġodda li jistgħu jiġu esplorati biex fihom issir ħidma li tkun tirrifletti n-natura li dejjem qed tevolvi tat-theddidiet għas-sigurtà.
Waqt il-laqgħa ta’ bejniethom, li saret fil-Ministeru fil-Belt Valletta, il-Kummissarju u l-Ministru ffukaw fuq kwistjonijiet bħall-qsim u l-iskambju tal-informazzjoni, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, iċ-ċiberkriminalità, ir-radikalizzazzjoni, il-ġlieda kontra t-traffikar illegali tal-armi tan-nar, kif ukoll l-evidenza elettronika u l-encryption.
“Is-sigurtà kienet u għadha qed tingħata prijorità kbira ħafna mill-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE,” irrimarka l-Ministru. “Se nibqgħu nistinkaw biex isir progress konkret fuq proposti li jindirizzaw l-isfidi reġjonali u globali, filwaqt li niddefendu l-valuri li fuqhom isserraħ l-eżistenza proprja tal-Unjoni tagħna.”
Il-Kummissarju King qal, “Nixtieq nirringrazzja lill-Ministru Abela u lill-Gvern ta’ Malta għall-kontribut pożittiv li qed jagħtu biex imexxu ’l quddiem l-aġenda tal-Unjoni tas-Sigurtà taħt il-Presidenza tagħhom.”