Studenti ħadu sehem f’forum interattiv dwar is-sigurtà fit-toroq, inizzjattiva ta’ Malta Public Transport li qed issir bl-appoġġ ta’ Fundación MAPFRE. Il-produzzjoni teatrali ġdida ‘Brief and Non-Boring Guide to Road Safety’ qed iżżur skejjel madwar Malta u Għawdex, u għamlet l-ewwel waqfa tagħha fl-iskola ta’ San Benedittu f’Ħal Kirkop din il-ġimgħa.
Malcolm Galea u Jeremy Grech minn More or Less Theatre tellgħu sessjoni informattiva u divertenti li daħħlet lil tfal ta’ tnax-il sena fit-tema. L-istudenti pparteċipaw bi ħgarhom fid-diskussjoni dwar il-konsegwenzi tad-distrazzjoni fuq it-toroq, imġieba li żżommok sigur, u l-perikli marbuta man-nuqqas ta’ attenzjoni.
Iż-żewġ atturi għamlu serje ta’ reċti qosra li nvolvew lit-tfal b’mod sħiħ fi storja immaġinattiva li tinkludi logħob, diskussjonijiet, u attivitajiet oħra. It-tfal daħlu sew fl-istorja u urew livell ta’ nteress li ssorprenda lill-istess għalliema li kienu qed jakkumpanjawhom.
Bħalma qalet waħda mill-edukaturi: “Ħareġ ċar li s-sigurtà fuq it-toroq hija waħda mill-affarijiet li t-tfal f’din l-età jaħsbu fuqha, u din is-sessjoni interattiva għamlitha faċli biex ikunu jistgħu jesprimu dan.”
L-istudenti tkellmu dwar inċidenti li jistgħu iseħħu waqt li jkunu ma’ ħbiebhom mingħajr ma jkunu fi ħsiebhom fit-traffiku, u dwar ir-riskji li ma jintlibisx iċ-ċintorin tas-sigurtà fil-karozza, fost xenarji oħra li huma familjari magħhom. Hekk kif id-diskussjoni daret dwar teknoloġiji li jippermettu lis-sewwieqa jitkellmu fuq it-telefon mingħajr ma jużaw idejhom, waħda mill-parteċipanti għamlet il-punt li dawn xorta jistgħu jkunu ta’ periklu u ġabet eżempju b’kif iħossuhom il-passiġġieri fuq tal-linja li kieku x-xufiera kellhom jieħdu telefonata b’dan il-mod.
Malta Public Transport tifhem li għanda rwol uniku biex trawwem kultura ta’ sigurtà fit-toroq fost l-istudenti żgħar u, permezz ta’ din l-inizzjattiva, trid tiżvolġi t-tema fil-lingwaġġ tagħhom. Il-kampanja innovattiva għandha l-mira li tilħaq 4,000 tifel u tifla, u se tkompli żżur aktar skejjel.
Il-programm ta’ 45 minuta qed jiġi offrut mingħajr ebda ħlas għal studenti ta’ bejn 10 u 13-il sena. Skejjel li jixtiequ jtellgħu din il-produzzjoni jistgħu jikkuntattjaw lil Malta Public Transport fuq communications@publictransport.com.mt