Fil-ġimgħa ta’ Santa Marija, huma bosta l-Maltin u anke t-turisti li jerħulha għal xi btala qasira fil-gżira tat-tliet għoljiet jew inkella filgħaxijiet imorru f’xi restorant għal xi ikla bejn il-familja u l-ħbieb.
Madanakollu hekk kif il-Malti jara li dawn il-jiem ta’ festa jqattagħhom bl-aħjar mod, il-Kunsill Malti għas-Sigurtà fit-toroq jara li jwassal kuxjenza biex jiġu evitati inċidenti li jistgħu jwasslu għal riperkussjonijiet koroħ.
ONE News tkellem ma’ Pierre P. Vella li huwa ċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Sigurtà fit-toroq, li spjegalna l-importanza ta’ ċertu prekawzjonijiet li għandhom jieħdu s-sewwieqa kollha f’pajjiżna, fosthom l-ilbies taċ-ċinturin tas-sigurtà.
Qal, “Fattur ieħor naħseb li huma l-affarijiet bħall-wipers li kulħadd jgħidlek hija xi ħaġa standard u l-filters tal-airconditioner. Jiġifieri veru qegħdin f’nofs is-sajf, naħseb li l-airconditioning tad-dar nagħmlulu service regolari sajf u xitwa, madankollu kultant tal-karozza nkunu ftit xettiċi, importanti li dawn niċċekjawhom ukoll għax jiena l-arja li qed nieħu minn ġewwa l-karozza ġejjin minn dawn il-filters.”
B’reazzjoni għax-xita li niżlet fl-aħħar jiem, is-Sur Vella rrimarka wkoll l-importanza tal-iċċekkjar tat-tyres tal-karozzi biex jiġu evitati inċidenti minħabba ż-żlieq.
Qal, “Dal-ġranet rajna kollox, kellna temperaturi m’għola s-sema u f’dawn il-ġranet kellna wkoll ix-xita. Naħseb jiena huwa importanti li mhux inħallu l-istaġun jasal. Inti semmejt fatturi importanti ħafna t-tyres. Ħafna jgħidulek u le mhux ix-xita imma t-tyre hu xi ħaġa li trid tiċċekjah kuljum. Tyre pressute tiċċekjah kull ħmistax, jekk dan wasal żmienu li jinbidel, ibdlu.”
Is-Sur Vella tenna wkoll kif matul ix-xhur sajfin, ix-xogħol infrastrutturali fit-toroq Maltin jiżdied u dan jeħtieġ aktar ippjanar dwar rotot li għandhom jittieħdu.
Qal, “Tajjeb li forsi dak li jkun jekk ħa joħroġ bil-karozza wieħed irid ikun ftit aktar prudenti ħalli jara ftit l-environement u minn fejn se jgħaddi. Illum il-ġurnata għandna ħafna apps bħal ‘Maltese Road Traffic Update” li inti tkun taf bażikament kif inhuma.”
Intant is-Sur Vella temm jgħid li l-osservazzjoni ta’ dawn il-prekawzjonijiet min-naħa tas-sewwieqa f’pajjiżna jevitaw l-inċidenti fit-toroq Maltin.
B’hekk b’inqas inċidenti, tonqos id-domanda wkoll fuq il-bank tad-demm li ta’ kuljum irid ilaħħaq mal-bżonn għall-boroż tad-demm biex jiġu sostnuti l-pazjenti Maltin.