Is-sigurtà fit-toroq ta’ pajjiżna hija ta’ prijorità.
Għamilha ċara l-Prim Ministru Robert Abela meta kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti fi tmiem il-laqgħa tal-Kabinett li saret fl-ambitu tal-Expo tas-Servizz Pubbliku f’Ta’ Qali.
Il-Prim Ministru rrefera għall-pjan ta’ azzjoni mħabbar ftit tax-xhur ilu bil-għan li jkun hawn aktar sigurtà fit-toroq tagħna u semma wkoll li, anki fil-Kabinett, daru diskussjonijiet dwar din il-materja.
Il-Prim Ministru qal “Irid ikun hemm ukoll sinerġija bejn l-awtoritajiet tat-trasport tagħna, u anki min ikun qiegħed imexxi l-inkjesti maġisterjali, anki biex ukoll – u diġà ħsibna f’bidliet fuq livell ta’ Kabinett ukoll – anki biex min inċidenti li jseħħu nitgħallmu u nevitaw ukoll ripetizzjonijiet. Għalija, iva, is-sigurtà fit-toroq tagħna hija prijorita.”
Il-Prim Ministru qal ukoll li fl-istrateġija l-ġdida dwar is-sigurtà tat-toroq, għandu jkun hemm ittestjar għal konsum tad-droga, bħalma jsir fil-każ tax-xorb.
Huwa qal li waħda mill-azzjonijiet li qed jieħu l-Gvern f’dan ir-rigward hija ż-żieda fil-pieni fuq numru ta’ kontravenzjonijiet tat-traffiku, fosthom għal min juża l-mobile waqt is-sewqan.
Dr Abela irrefera għall-fatt li l-pieni kkontemplati fil-liġi huma għoljin, bil-massismu jkun il-priġunerija. Filwaqt li m’hemmx nuqqas ta’ leġiżlazzjoni, iżda, id-diskrezzjoni tal-applikazzjoni tal-liġi hija fi jdejn il-Qrati.
Il-Prim Ministru kompla jgħid“Għadha tgħodd il-ġurisprudenza ta’ għexieren ta’ snin ilu, illi wieħed kien jeħles b’daqqa ħafifa fuq idejh, jew għandhom il-Qrati tagħna jikkunsidraw illi jtellgħu x-xorta tal-piena ’l fuq, in-natura tal-piena ’l fuq? Il-kodiċi kriminali jippermetti parametri wiesgħa ta’ piena. Jiġifieri m’aħniex qed nitkellmu, hawnhekk, fuq kwistjoni li għandek nuqqas ta’ leġiżlazzjoni.”