Is-siġġu mhux permanenti li Malta se jkollha fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fis-sentejn li ġejjin se tkun opportunità biex Malta tkompli ssaħħaħ ir-relazzjoni diplomatiċi ma’ pajjiżi kruċjali fix-xena internazzjonali, bħall-Istati Uniti u ċ-Ċina.
Qal dan il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, u l-Kummerċ, Ian Borg, waqt id-diskussjoni parlamentari dwar l-estimi finanzjarji tal-istess ministeru.
Qal, “Din se tagħtina wkoll l-opportunità li naħdmu ma’ pajjiżi illi huma kruċjali fix-xena internazzjonali, imma forsi ma niltaqgħux kull xahar fi Brussell, fost l-oħrajn dwar is-sigurtà, u allura l-ħidma ma’ pajjiżi bħall-Istati Uniti.”
Huwa qal li waħda mill-prijoritajiet ta’ Malta f’dan l-irwol se jkun it-tibdil fil-klima u semma l-inizjattiva ‘Island for Islands’, li ssemmiet mill-Prim Ministru Robert Abela fid-diskors tiegħu fil-Laqgħa Għolja tal-COP27 fl-Eġittu. Permezz ta’ din l-inizjattiva, Malta qed tgħin gżejjer żgħar oħra madwar id-dinja sabiex jiġġieldu dan il-fenomenu.
Meta tkellem ukoll dwar il-gwerra fil-Lvant tal-Ewropa, il-Ministru Borg semma n-newtralità ta’ Malta. Huwa qal li l-politika barranija ta’ pajjiżna tagħraf x’inhu t-tajjeb filwaqt li tikkundanna dak li huwa ħażin.
Min-naħa tiegħu, id-deputat Edward Zammit Lewis tkellem dwar ir-reputazzjoni ta’ Malta f’organi bħan-Nazzjonijiet Uniti.
Qal, “Irrid ngħid illi, noqogħodu ngħidu illi għandna kriżi kbira ta’ reputazzjoni. Kellna vot fil-Ġnus Maqgħuda u ġibna aktar minn 97 fil-mija appoġġ; jiġifieri din il-kriżi onestament jew kienet f’moħħ il-kelliema jew jixtiequ jgħidu li hawn kriżi.”
Fuq l-istess frekwenza d-deputat Glenn Bedingfield innota li Malta għandha isem tajjeb madwar id-dinja, iżda hemm min jipprova jtappan ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.
Qal, “Dawn huma politiċi Ewropej li joqogħdu jikkundannaw lil pajjiżna li qed jaraw, jippruvaw ifittxu l-farka f’għajnejn ħaddieħor u lanqas jaraw it-travu illi għandhom f’għajnejhom.”
Id-deputat Randolph De Battitsta qal li fil-gwerra fl-Ukrajna, pajjiżna għen b’għajnuna umanitarja lill-Ukreni u anki adotta s-sanzjonijiet bħala parti mill-Unjoni Ewropea.
Qal, “Għaliex, Sur President, newtrali jew le, dak li hu ħażin irridu ngħidu li hu ħażin, dak li qed nagħmlu tajjeb bħala pajjiż irridu nippromwovuh barra minn pajjiżna.”
Id-deputat Naomi Cachia qalet li pajjiżna għandu jibqa’ pont ta’ paċi, anki minħabba n-newtralità tiegħu u r-rispett li jgawdi.
Qalet, “Din l-istrateġija rridu nibqgħu nużawha bl-aħjar mod possibbli u, filwaqt li rridu nkomplu nissalvagwardjaw il-pożizzjoni newtrali ta’ pajjiżna, dik l-istess newtralità se tgħinna biex inkomplu mmexxu ’l quddiem uħud mill-prinċipji l-iktar għal qalbna bħala pajjiż.”