Din is-sena s-Siġġiewi ser ikun qed jintrama b’iżjed armar mis-soltu sabiex fin-nuqqas tal-attivitajiet li kienu jsiru ssoltu, is-Siġġiwin u dawk kollha li s-soltu jżuru dan ir-raħal fi żminijiet ta’ festi, xorta waħda jidħlu fl-ispirtu tal-Milied.
F’kummenti ma’ ONE News, il-kunsillier inkarigat mill-attivitajiet tal-kunsill, Adrian Farrugia spjega kif filwaqt li dan il-Milied ser ikun bla attivitajiet li fi żmien il-Milied tant kienu saru sinonimi mar-raħal tas-Siġġiewi, xorta waħda b’żieda fit-tiżjin, kull min jgħaddi mir-raħal anke bil-karozza, ser jidħol fl-ispirtu tal-Milied. Dan hekk kif din is-sena għall-ewwel darba ser tkun qed tintrama Triq Mons Mikiel Azzopardi u pjazza San Nikola bi dwal mas-siġar. Dan apparti tiżjin ieħor li ser ikun qed jiżdied din is-sena.
Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi ħabbar din l-inizjattiva permezz ta’ post fuq Facebook. L-investiment fl-armar ser ikun qed isir permezz ta’ fondi provduti mir-reġjun tan-Nofsinhar. Dan filwaqt li l-għaqda Armar Siġġiewi wkoll ser tkun qiegħda għal darba oħra tgħin fl-armar tar-raħal kif tagħmel ta’ kull sena.