Is-sieħba ta’ George Degiorgio magħruf bħala ċ-Ċiniż ingħatat l-ħelsien mill-arrest b’rabta m’akkużi fuq ħasil ta’ flus. Anca Adelina Pop mhux se tibqa’ arrestata fil-ħabs ta’ Kordin wara li l-Maġistrat Joe Mifsud laqa’ t-talba tad-difiża iżda impona numru ta’ kundizzjonijiet.
Fost l-oħrajn, ir-Rumena ntalbet depożitu ta’ ħmistax-il elf ewro u garanzija personali ta’ ħamsa u għoxrin elf ewro. L-akkużata ma tistax issiefer, bil-Qorti tordna wkoll l-konfiska tal-passaport tagħha. Adelina Pop ġiet mitluba wkoll li tiffirma fl-għassa tal-Qawra u li ma toħroġx minn darha wara l-għaxra ta’ filgħaxija.
F’deċiżjoni oħra li tat il-Qorti, Anca Adelina Pop tpoġġiet taħt att t’akkuża. Intant ilbieraħ, l-avukat difensur tar-Rumena talab għall-ħelsien mill-arrest minħabba li l-akkużata għandha erba’ t’itfal jiddependu minnha. Fid-digriet li ta llum, il-Maġistrat Mifsud saħaq li l-ħelsien mill-arrest fil-konfront tar-Rumena ġej wara li nżammu tlett seduti fejn instemgħu x-xhieda marbuta mal-każ.
Intant wieħed mix-xhieda kien xehed li r-Rumena kienet involuta fl-importazzjoni ta’ karozza lussuża tat-tip Corvette li tlaħħaq is-somma ta’ erbgħa u disgħin elf ewro.
Hawnhekk il-pulizija qed tinvestiga lir-Rumena u lill-aħwa Degiorgio fuq ħasil ta’ flus u kif dawn kienu qed jgħixu ħajja lussuża mingħajr ma kellhom il-mezzi jew xogħol biex jgħixu.